Sunday, November 24, 2024

Proġett ta’ titjib ambjentali, kulturali u artistiku fil-Munxar

Aqra wkoll

Il-Kunsill Lokali tal-Munxar nieda l-Proġett bl-isem ta’ ‘Enhancing the Locality’s Environmental, Cultural and Artistic Value’. 

Dan il-proġett jinkludi investiment infrastrutturali fil-lokalità kif ukoll attivitajiet tal-massa. Il-proġett ser jinvolvi bini ta’ belveder fi Triq Sqawi kif ukoll attività ta’ ‘Fireworks and Gastronomy Festival’ li se tittella’ nhar is-Sibt li ġej 30 t’April 2022 mis-7.30 p.m. ‘il quddiem fi Triq Sqawi l-Munxar. 

Din l-attività se tinkludi spettaklu minn bands lokali bħal The Travellers u Straitahead bi preżentazzjoni ta’ Ronald Briffa. L-attività se tkun tinkludi ukoll spettaklu ta’ logħob tan-nar sinkronizzat mal-mużika. Barra minn hekk il-festival se joffri opportunità ukoll lil kull min jattendi sabiex jiekol ikel tradizzjonali Malti, kollox b’xejn. 

Dan il-proġett qed jittella’ mill-Kunsill Lokali tal-Munxar b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Gozo Tourism Association, is-Sezzjoni Żgħażagħ Pawlini Munxarin u l-Munxar Falcons F.C. 

Il-proġett huwa ko-finanzjat permezz ta’ fondi Ewropej amministrati mill-Gozo Action Group Foundation taħt il-programm Leader. 

Waqt konferenza stampa mtella’ mill-Kunsill Lokali, is-Sindku tal-Munxar Damien Spiteri esprima s-sodisfazzjon tiegħu li għal darba ohra l-Kunsill se jkun qed jibbenefika minn proġett ieħor b’finanzjament ta’ Fondi Ewropej filwaqt li ħeġġeġ lin-nies sabiex jattendu għall-attività tas-Sibt 30 ta’ April. 

Min-naħa tiegħu, is-Sur Joe Muscat, CEO tal-Gozo Tourism Association, esprima l-bżonn li f’Għawdex ikomplu jittellgħu attivitajiet ta’ livell sabiex jattiraw turiżmu lejn Għawdex. 

Joe Cordina, Chairman tal-Gozo Action Group Foundation, feraħ lill-Kunsill Lokali tal-Munxar talli ħadmu sabiex jibbenifikaw minn fondi Ewropej offruti għall-Għawdex taħt l-amministrazzjoni tal-Gozo Action Group Foundation u ħeġġeġ Kunsilli Lokali Għawdxin oħra sabiex jaħtfu dawn l-opportunitajiiet. 

Tkellem ukoll il-President tas-Sezzjoni Żgħażagħ Pawlini Munxarin, Brendon Spiteri, fejn irringrazzja lill-Kunsill Lokali ta’ din l-opportunità u qal li bħala għaqda huma dejjem lesti li jikkollaboraw fil-qasam artistiku u kulturali ġewwa r-raħal tal-Munxar. 

Sport