Thursday, November 14, 2024

Proġettata nefqa ta’ €1.2 biljun f’benefiċċji soċjali għas-sena li ġejja

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Għal darba oħra dan il-gvern qiegħed juri kemm iżomm kelmtu u li huwa gvern li miegħu taf fejn int”. Hekk beda biex jgħid il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon.

Falzon qal li nhar it-Tnejn il-pensjonanti kollha ngħataw żieda ta’ €5 fil-ġimgħa. Żieda li mhijiex l-ewwel waħda, anzi f’disa’ snin ngħataw seba’ żidiet. 

Il-Ministru fakkar li għal kważi kart ta’ seklu l-pensjonanti ma ngħatawx ċenteżmu żieda fil-pensjoni għajr il-COLA.

Tkellem dwar il-miżura li permezz tagħha 800 persuna, ħafna minnhom nisa, ma kinux qegħdin jieħdu pensjoni u issa qegħdin jieħdu pensjoni. Permezz tal-miżura tal-ħlas ta’ 10 snin bolol, lil hinn minn meta tħallsu, se jkunu qegħdin jiżdiedu 1,200 persuna oħra li jingħataw pensjoni.

Il-Ministru fakkar li l-ħajja soċjali tagħhom kompliet titjieb fejn m’għadhomx jeżistu mediċini out of stock. 

Tkellem dwar l-2020 u l-perjodu tal-pandemija fejn fil-kategorija soċjali ta’ 65+ kien hemm eluf ta’ persuni li spiċċaw f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali. F’pajjiżna mhux il-każ, f’pajjiżna s-sitwazzjoni tjiebet għax għal dan il-gvern, il-pensjonanti mhumiex ħela ta’ flus.

Tkellem dwar l-għajnuniet supplimentari fejn il-gvern mar biex jgħin lil dawk li l-aktar li għandhom bżonn l-għajnuna. Dan se jfisser li permezz ta’ din il-miżura, il-pensjonanti se jkunu jistgħu jgawdu minn aktar mill-€5 żieda diretta fil-pensjonijiet mħabbra fil-budget.

Tkellem dwar l-inċentiv tal-gvern lil dawk li għandhom aktar minn 75 sena biex jibqgħu jgħixu fil-komunità. 

Falzon kompla biex jgħid li dan il-gvern, b’differenza għall-amministrazzjoni preċedenti, ikun hu li joħroġ idejh biex jgħin lill-batut. Huwa spjega li għal dan il-gvern il-benefiċċji soċjali mhumiex ħela ta’ flus, infatti għas-sena li ġejja hu maħsub li n-nefqa fuq dawn il-benefiċċji tqarreb il-€1.2 biljun.

Il-Ministru Falzon temm jgħid li dan il-gvern huwa wieħed li lest li jinvesti fin-nies, gvern li qiegħed hemm għan-nies u assigura lill-pensjonanti kollha li taħt dan il-gvern, kull ċenteżmu li se jkun hemm se jara biex iqassmu għax “għal dan il-gvern il-pensjonanti mhumiex ħela ta’ flus”.

Ekonomija

Sport