Friday, November 15, 2024

“Proġetti li ma jagħmlux sens lanqas biss għandhom jitpinġew fuq il-karta mill-Perit jew jibda l-proċess tagħhom”

Il-PM b’messaġġ ċar lill-Iżviluppaturi

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’intervent telefoniku li kellu aktar kmieni fuq ONE Radio l-Prim Ministru tkellem dwar diversi temi, iżda ma naqasx milli jitkellem dwar is-sejħa tiegħu lejn l-iżviluppaturi.

Mistoqsi għar-reazzjoni tiegħu wara l-kritika tal-Kap tal-Oppożizzjoni wara li l-Prim Ministru appella lill-iżviluppaturi biex ma jressqux proposti li ma jagħmlux sens skont il-politika tal-ippjanar, il-Prim Ministru sostna li għandna oppożizzjoni mhux kredibbli li quddiem il-kamera tgħid mod u minn wara l-kamera tgħid mod ieħor, iżda din id-darba l-maskra waqgħet anke pubblikament.

“Is-settur tal-kostruzzjoni, tal-iżvilupp, hu settur fejn kien, għadu u jibqa’ meħtieġ ċertu bidliet. Qed nagħmlu bidliet kbar u se nagħmlu iktar.  Bidliet li fl-aħħar mill-aħħar jippremjaw lil min hu serju, u meta l-affarijiet isiru se tgawdi s-soċjeta kollha,” sostna l-Prim Ministru.

Spjega kif il-gvern qiegħed imexxi bl-eżempju u rrefera għal deċiżjoni tal-awtorità tal-artijiet li ma tatix kunsens biex fuq art tagħha jinbidlu l-policies biex isir iktar bini. Anke fil-proġetti infrastrutturali qed jintbagħad messaġġ ċar ta’ prijoritajiet ġodda. B’referenza għall-proġett tal-Imsida Creek il-Prim Ministru spjega kif wieħed mill-isbaħ aspetti ta’ dan il-proġett u l-ispazju miftuħ li se jinħoloq, xi ħaġa li kibret wara li kienu emendati l-pjanti anke frott ta’ konsultazzjoni. 

“Iżda iva, l-appell ċar li għamilt il-ġimgħa li għaddiet biex kulħadd jifhem il-prijoritajiet tal-pajjiż u li proġetti li ma jagħmlux sens lanqas biss għandhom jitpinġew fuq il-karta mill-Perit jew jibda l-proċess tagħhom, hu appell li nibqa’ nagħmlu b’mod b’saħħtu. U ntennih b’wiċċi minn quddiem. Għax il-Gvern qiegħed ukoll imexxi bl-eżempju,” kompla l-Prim Ministru.

Ekonomija

Sport