Saturday, February 7, 2026

PROĠETTI LI SE JBIDDLU WIĊĊ MALTA

Aqra wkoll

Il-Viżjoni Malta 2050 mhix biss dwar it-tkabbir ekonomiku, kif ħafna jaħsbu li hi. Imma din il-viżjoni tmur lil hinn aktar minn hekk u tinkludi fiha aspetti varji soċjali, ambjentali u infrastrutturali. Minbarra l-għadd kbir ta’ postijiet li ġew restawrati u ngħataw dehra oħra, b’danakollu l-qofol ta’ dan se tkun ir-riġenerazzjoni estensiva taż-żona tal-Port il-Kbir, li tinkludi b’mod partikolari l-Marsa li minn lokal pjuttost industrijali se tiddawwar f’ambjent li joffri mhux biss sbuħija imma ħajja ta’ kwalità aħjar għar-residenti tal-inħawi. 

Il-Port il-Kbir ilu snin f’moħħ il-Gvern u din ir-riġenerazzjoni mhix l-ewwel darba li ġiet maħsuba. Tant hu hekk li diversi gvernijiet ippruvaw itejbu din iż-żona, anke jekk kien hemm gvernijiet li l-proposti tagħhom kienu trivjali. Imma s-sentiment għal riġenerazzjoni kien dejjem hemm. Illum, il-proġetti speċjalment dawk ambjentali mhumiex jibqgħu fuq il-karta imma ħafna minnhom qegħdin jitwettqu fir-realtà.

Minn dak li hu propost, għandna għax nifhmu li r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir hija biss parti waħda minn proġett daqshekk kbir. Dan hekk kif se jingħaqad ma’ proġetti oħra ambjentali li għalkemm ma jmissux ma’ xulxin għax huma f’żoni differenti, b’danakollu se jagħtu dehra isbaħ u ħajja differenti lil dawn iż-żoni fosthom Manoel Island, il-White Rocks, Forti Campbell u Forti San Salvatur, li lkoll huma maħsuba li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji ta’ dawn il-gżejjer. 

Minbarra li l-Marsa se tkun parti sostanzjali mill-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, wieħed irid jiftakar ukoll illi dan il-lokal se jgawdi minn attivitajiet infrastrutturali oħra bħalma huwa dak li tħabbar riċentament iċ-Ċentru tal-Arti u l-Kultura, li se jkun jinkludi fih ukoll aspetti varji tal-Karnival Malti. 

Għalhekk, il-Marsa b’dan l-investiment kollu li qed isir u mistenni li jkompli jsir fiha, se jdawru din il-lokalità f’post ta’ rikreazzjoni u attività kummerċjali li huma adattati għaż-żminijiet tal-lum. Min se jkun involut fit-twettiq ta’ dawn il-proġett, bla dubju li ħaqqu kull tifħir, kemm dawk li se jkunu qed jibnu dan kif ukoll dawk li ġiet f’moħħhom din l-idea. 

Wara snin ta’ stennija, nittamaw li dawn il-postijiet wara li jitlestew jibqgħu jiġu mħarsa u mantnuti bl-aħjar mod possibbli. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport