Friday, June 27, 2025

Proġetti SkaRF u FitMAP-MALTA Jikkonkludu Fażijiet Ewlenin fil-Progress tal-Fitness tal-Ġenerazzjoni Żagħżugħa

Aqra wkoll

L-Istitut tal-Edukazzjoni Fiżika u l-Isport (IPES) fl-Università ta’ Malta, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni (MEYR), qed jikkonkludi t-tielet fażi ta’ SkaRF – Skip a Rope for Fitness – mal-istudenti tas-Sena 6 fl-Iskola Primarja ta’ San Ġwann. Din l-inizjattiva innovattiva bbażata fi skola, mmexxija mill-Professur Andrew Decelis, segwiet l-istess grupp ta’ studenti mir- 4 sas-6 sena, billi ħadmu fuq intervent ta’ diversi snin iffokat fuq il-qbiż bil-ħabel.

SkaRF ġie msejjes biex itejjeb il-ħiliet fundamentali ta’ moviment tat-tfal, il-fitness fiżiku, u l-livelli ta’ attività filwaqt li jnaqqas il-ħin li jgħaddu sedentarji, permezz tal-qbiż bil-ħabel. Fl-ewwel fażi, l-istudenti tar-raba’ sena ġew maqsuma fi gruppi ta’ kontroll u esperimentali, fejn dawn tal-aħħar ħadu sehem f’sessjonijiet ta’ qbiż bil-ħabel ta’ 15-il minuta kuljum għal erba’ ġimgħat. Fit-tieni fażi, l-istudenti kollha, li issa kienu fil-ħames sena , ħadu sehem fl-intervent u ġew ivvalutati mill-ġdid qabel u wara l-programm fuq il-ħiliet motorji, il-fitness, u l-livelli ta’ attività billi ntużaw accelerometri li jintlibsu fuq ċinturin.

Fit-tielet fażi, li seħħet issa fis-6 Sena , l-istudenti kellhom sessjoni ta’ qbiż bil-ħabel ta’ kuljum għal xahar ieħor, biex jibqgħu jkabbru l-progress tagħhom. Ir-riżultati juru li dawk li bdew aktar kmieni żammew u żiedu fil-ħiliet tagħhom, filwaqt li oħrajn irċevew benefiċċji sinifikanti wara li ngħaqdu mas-sessjonijiet. Il-Professur Decelis qal:

“Rajna titjib f’diversi komponenti tal-fitness, u b’mod partikulari fil-ħila tal-istudenti kollha fil-qbiż tal-ħabel. Interessanti li l-bniet kienu aħjar mill-subien fil-qbiż, u dawk li bdew il-programm f’Year 4 marru aħjar minn dawk li ngħaqdu aktar tard. Dawn ir-riżultati jenfasizzaw l-importanza ta’ espożizzjoni bikrija għall-ħiliet fundamentali tal-moviment u juru l-benefiċċji fit-tul li dan jista’ jkollu. Dan l-istudju jikkonferma li intervent qasir u ffukat fuq il-qbiż jista’ jtejjeb b’mod sinifikanti l-ħiliet u l-kunfidenza fiżika tat-tfal biex jibqgħu attivi.”

Barra minn hekk, IPES qed jikkonkludi wkoll il-fażi pilota ta’ FitMAP-MALTA – Fitness Monitoring of Adolescents Project; il-Proġett ta’ Monitoraġġ tal-Fitness tal-Adolexxenti. Dejta relatata mal-fitness tat-tfal ġiet miġbura minn sitt skejjel sekondarji statali bil-kollaborazzjoni ta’ 12-il għalliema tal-Edukazzjoni Fiżika ddedikati. L-analiżi tinsab għaddejja bħalissa, inkluż dejta minn żewġ gruppi ta’ għalliema, bl-għan li tevalwa l-implimentazzjoni tal-proġett. Waħda mill-innovazzjonijiet ewlenin ta’ FitMAP-MALTA hija l-użu tal-għodda interattiva FitBack Europe, li tippermetti lill-istudenti joħolqu rapporti personalizzati tal-fitness, jistabbilixxu miri bil-għajnuna tal-għalliema, u jsegwu l-progress tagħhom. L-għalliema jistgħu wkoll jagħmlu evalwazzjonijiet ta’ kull klassi biex jistabbilixxu objettivi speċifiċi tal-fitness għal-lezzjonijiet tal-PE.

Permezz ta’ FitMAP-MALTA, Malta qed tħejji triq għal futur aktar b’saħħtu għall-adolexxenti tagħha, billi tiżgura li jiżviluppaw l-għarfien, il-ħiliet, u l-motivazzjoni biex jgħixu ħajja attiva u kuntenta.

Il-pass li jmiss għal SkaRF huwa li jiġu allokati fondi biex jingħata ħabel tal-qbiż lil kull tifel u tifla fl-Iskola Primarja ta’ San Ġwann, sabiex tinħoloq l-ewwel Skola Uffiċjali SkaRF f’Malta. Il-viżjoni usa’ ta’ SkaRF hija li kull student tal-iskejjel primarja f’Malta jkollu ħabel tal-qbiż u l-kunfidenza li jużah matul il-PE strutturat kif ukoll waqt il-ħinijiet ta’ rikreazzjoni. Hemm pjan ukoll biex dan il-proġett jinfirex ma’ aktar skejjel. Bl-istess mod, FitMAP-MALTA għandu l-għan li jestendi l-monitoraġġ tal-fitness għal kull skola medja u sekondarja lokali.

Fl-istess waqt, IPES beda wkoll jippilota l-MYPASS – Maltese Young People’s Physical Activity & Sport Participation Study; l-Istudju ta’ Monitoraġġ tal-Attività Fiżika u l-Parteċipazzjoni fl-Isport tal-Ġenerazzjoni Żagħżugħa – li se jiġi mplimentat f’kull skola primarja lokali f’Ottubru 2025. Dan l-istudju jiffoka fuq l-istudenti tas-Sena 6 u għandu l-għan li jifhem aħjar l-imġieba tagħhom rigward l-attività fiżika, il-parteċipazzjoni fl-isport, u l-imġieba relatata, bi ħsieb li jtejjeb l-opportunitajiet għall-moviment fl-iskejjel u l-komunitajiet.

Il-Professur Decelis esprima r-rikonoxximent tiegħu lill-Onor. Dr. Clifton Grima, lid-Direttur Ġenerali tal-Kurrikulu – MEYR, is-Sur Jude Zammit; lill-Kap tan-Network tal-Kulleġġ is-Sur Jonathan Attard; lill-Kap tal-Iskola Primarja ta’ San Ġwann, is-Sur David Caruana; lid-Deputat Kap is-Sinjura Susanne Mifsud Triganza; lill-għalliema tas-sitt sena, lil-Learning Support Educators; lis-Sur Michael Xerri (għalliem PE); u lill-Uffiċjali tal-Edukazzjoni is-Sur Marvin Spiteri, is-Sur Stephen Grima u s-Sur Kevin Azzopardi għall-appoġġ kontinwu tagħhom. Estenda wkoll l-apprezzament tiegħu lill-għalliema tal-PE involuti f’FitMAP-MALTA, kif ukoll lill-Kapijiet tan-Netwerk tal-Kulleġġi u lill-Kapijiet tal-Iskejjel li appoġġjaw il-fażi pilota. Iż-żewġ proġetti saru possibbli permezz tal-Fond tar-riċerka SEED tal-Università ta’ Malta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport