Friday, November 15, 2024

Proġetti ta’ infrastruttura sportiva se jkunu eżentati mit-tariffi tal-ippjanar

Aqra wkoll

L-iżvilupp sportiv f’Malta se jingħata spinta kbira hekk kif l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) se tkun qed teżenta l-proġetti infrastrutturali sportivi kollha mid-Development Planning Fee (DPF) u l-Environment Fee.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia u l-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima.

L-eżenzjoni tapplika għal proġetti sottomessi jew validati mill-1 ta’ Jannar 2021 ‘il quddiem. Illum, l-applikazzjonijiet kollha tal-ippjanar għal proġetti proposti minn Sports Malta jew entità reġistrata mal-Kunsill tal-Isport iħallsu €4.12 kull metru kwadru.

Il-proġetti jistgħu jinkludu bidla fl-użu ta’ faċilità jew żvilupp ġdid.

“Din hija wegħda elettorali oħra li wettaqna. L-għan tagħna huwa li nkomplu ngħinu u ninċentivaw lil għaqdiet sportivi reġistrati billi neżentawhom mit-tariffi u l-ispejjeż tal-applikazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar għal progetti sportivi. Nemmnu li għandna nippromwovu l-iżvilupp tal-isport f’Malta u b’din il-miżura qed inħeġġu entitajiet sportivi = jinvestu fil-faċilitajiet tagħhom biex ikunu iktar aċċessibli. Entitajiet sportivi qed ngħinuhom ukoll permezz ta’ finanzjament għal proġetti tagħhom mid-DPF,” qal il-Ministru Farrugia.

Il-Ministru Farrugia qal ukoll li dan il-fond, jipprovdi lill-kunsilli lokali, NGOs, u oħrajn bl-appoġġ finanzjarju meħtieġ biex ikunu proattivi u jwettqu proġetti li huma mmirati biex itejbu l-benesseri, l-ambjent, u d-dimensjoni soċjali tal-bliet u l-irħula tagħna.

Il-Ministru Clifton Grima tkellem dwar l-impenn tal-gvern biex kulħadd ikollu kwalità ta’ ħajja aħjar u enfasizza li dan jista’ jintlaħaq b’żewġ ħoloq importanti: l-edukazzjoni u l-isport. “Irridu li mhux biss kull tifel u tifla f’pajjiżna jkollhom l-aqwa u l-aħjar edukazzjoni, imma li kull tifel u tifla f’pajjiżna jkollhom l-opportunità li jipprattikaw l-isport li jixtiequ. Dan tal-lum huwa pass ieħor li wiegħdnieh u qed inwettquh. Qed ngħinu biex l-għaqdiet sportivi ninċentivawhom u b’hekk ikunu jistgħu jkomplu jinvestu fil-faċiliajiet sportivi tagħhom. Opportunità oħra biex dawn mhux biss iqumu fuq saqajhom, imma jkunu jistgħu jinvestu lura fl-isport, l-isportivi u l-komunità”, kompla l-Ministru Grima.

“Nemmnu bis-sħiħ li għandna responsabbiltà soċjali biex nippromwovu, ninċentivaw u nappoġġjaw l-iżvilupp tal-isport f’Malta. Dan mhux biss biex inkunu aktar kompetittivi fuq livell internazzjonali, iżda aktar importanti għaliex l-isport għandu l-abbiltà unika li jlaqqa’ lin-nies flimkien.” Qal is-Sur Martin Saliba, Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar. Huwa temm jgħid li, “l-aktar importanti, permezz ta’ din il-miżura, hu li qed ninċentivaw lill-entitajiet sportivi biex jinvestu fil-faċilitajiet tagħhom biex jagħmluhom dejjem aktar aċċessibbli u adattatti għal persuni b’diżabbiltà biex jingħataw l-istess opportunità li jipparteċipaw u jsegwu avvenimenti sportivi”.

Ekonomija

Sport