Is-Società Filarmonica Maria Mater Gratiæ ta’ Ħaż-Żabbar ser tiftaħ il-festi tagħha f’għeluq il-140 sena mit-twaqqif tagħha permezz ta’ kunċert li ser tiddedikah kompletament għall-istorja tagħha u ta’ Ħaż-Żabbar.
Il-mużika li ser tindaqq nhar il-25 ta’ Ġunju, ser tirrifletti wkoll l-istorja riċenti tal-banda fejn ser tindaqq silta minn 11-il kunċert tematiku li dis-Soċjetà organizzat bejn l-2006 u l-2018. F’dawn il-kunċerti dil-banda kienet tagħżel tema speċifika u tibni madwarha programm tal-ogħla kwalità li kien ikun jinkludi mhux biss il-mużika, imma palk oriġinali u viżwal kumplimentari.
Il-Banda taħt id-direzzjoni ta’ Mro Kevin Mizzi ser tkun akkumpanjata mill-kantanta Żabbarija, Graziana Hili, filwaqt li l-preżentaturi ser ikunu żewġ żgħażagħ promettenti minn ħdan l-istess Għaqda, is-Sinjuri Kyle Magro u Emarlys Sciberras.
Dakinhar tal-kunċert is-Società Filarmonica Maria Mater Gratiæ ser tkun qed tniedi wkoll il-ktieb uffiċjali tal-istorja tagħha, ktieb bl-isem ta’ Ġrajjietna – Società Filarmonica Maria Mater Gratiæ, miktub minn Vincent Caruana Gauci.
Dan il-ktieb isegwi l-passi ta’ din il-banda matul iż-żminijiet tagħha u fl-istess ħin isegwi l-ħajja f’raħal tipiku Malti. Iż-żminijiet iebsin u oħrajn ta’ ferħ li għaddew minn fuq din is-Soċjetà Mużikali, b’xi mod affettwaw ukoll lil Ħaż-Żabbar biex mat-tibdil taż-żminijiet t-tnejn issawwru flimkien f’dak li huma llum.
Il-ġrajja miktuba ma tinkludix biss il-fatti u l-avvenimenti storiċi li ġraw f’ħajjet dis-Soċjetà, iżda tiffoka iżjed fuq il-mikro-storja tal-persuni attivi fi ħdan l-Għaqda. Il-kurżitajiet, battibekki, diskussjonijiet u intriċċi ma jonqsux matul in-narrattiva kollha. L-awtur huwa iżjed interessat li jsir jaf lin-nies wara l-istejjer u kif dawn kienu jaħsbuha, iktar milli biss l-avvenimenti nfushom.
Biex inkitbet din l-istorja ġew riċerkati d-dokumenti kollha tas-Società Filarmonica Maria Mater Gratiæ, però mhux biss, għaliex l-istejjer ġew imwieżna b’referenzi minn dokumenti pubbliċi minn diversi arkivji madwar Malta. Dawn kollha jagħtu storja interessanti, dettaljata, però fuq kollox, umana.
Ġrajjietna – Società Filarmonica Maria Mater Gratiæ huwa ktieb ta’ 416-il paġna li jinkludi iktar minn 900 referenza u iktar minn stampa 375 li jgħinu lill-qarrej iħossu iżjed parti minn dawn l-istejjer. Il-ktieb huwa editjat mill-istoriku Dr Alexander Cutajar u huwa pubblikazzjoni tas-Società Filarmonica Maria Mater Gratiæ.