Wednesday, April 17, 2024

Programm intiż li jeduka liċ-ċkejknin dwar il-ħidma tal-bdiewa u raħħala Maltin

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, nedew l-ewwel edizzjoni tal-programm Let’s Talk Farming, li huwa mmirat sabiex jippromwovi s-setturi tal-agrikoltura u l-produzzjoni tal-ikel fl-iskejjel primarji ta’ pajjiżna.

F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat kif l-għan aħħari ta’ dan il-proġett huwa li jeduka u jżid l-għarfien fost iċ-ċkejknin tagħna dwar sistemi tal-ikel differenti u l-produtturi tal-ikel bħall-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin. Dan il-programm ikopri bosta temi bħal kif jiġi prodott l-ikel, min jipproduċih, l-impjiegi assoċjati mal-biedja, ir-rwol tal-biedja fil-ħarsien tal-kampanja, l-impatt tal-klima fuq il-biedja u l-ħarsien tal-annimali. Il-programm se jħares ukoll lejn il-benefiċċji tal-konsum responsabbli tal-ikel u l-ħtieġa li tiġi limitata l-ħela tal-ikel.

Il-Ministru Anton Refalo tenna l-importanza ta’ programm bħal dan li se jesponi ħidmet il-bdiewa u r-raħħala u spjega kif l-istudenti se jkunu jistgħu japprezzaw aktar x-xogħol li jsir biex huma jieklu platti b’ingredjenti friski u bnini. Hawnhekk huwa ħabbar li għal din l-ewwel edizzjoni ta’ dan il-programm mistennija jintlaħqu 25 skola primarja b’rappreżentanza varja minn skejjel statali, tal-knisja u dawk privati. Dan se jkun ifisser li mill-programm se jibbenefikaw mal-5000 student.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clifton Grima qal “Dan huwa programm li jieħu lill-istudenti tagħna ‘lil hinn mill-kurrikulu, imma li permezz tiegħu qiegħed isaħħaħ it-tagħlim li jieħdu l-istudenti fil-klassijiet. Huwa importanti li lill-istudenti nuruhom l-aspetti differenti, biex filwaqt li inwessgħulhom l-għarfien tagħhom, inkunu qed ngħinuhom f’dak li jiltaqgħu miegħu fil-ħajja ta’ kuljum, kif ukoll jgħinhom fl-għażla tal-karriera tagħhom.” Huwa faħħar l-inizjattiva li hija mifruxa fl-iskejjel, u qal li dawn it-tip ta’ programmi u inizjattivi jkomplu jsaħħu dik li hija l-edukazzjoni sħiħa li rridu nagħtu lill-istudenti tagħna.

Il-programm se jħares lejn tmien kategoriji t’attivitajiet li jistgħu jiġu organizzati, fosthom dawk ta’ ħiliet artistiċi u kreattivi relatati mas-suġġett, matematika tal-biedja, eżerċizzji ta’ għarfien, eżerċizzji ta’ ħsieb kreattiv, sessjonijiet ta’ informazzjoni mal-bdiewa u raħħala nfushom, ħarġiet edukattivi, attivitajiet li jinvolvu lill-ġenituri tat-tfal u tkabbir ta’ ħxejjex u frott fl-iskejjel.

Ekonomija

Sport