Sunday, October 27, 2024

Programm Mużikali fi Tmiem il-Kariga ta’ Mro Alfred Farrugia

Aqra wkoll

Wara 30 sena jidderiġi lill-Banda Queen Victoria A.D. 1865, lis-Surmast Alfred Farrugia tista’ tgħid li ż-Żurrieq kollu sar jafu u jirreferi għalih bħala ‘is-Surmast’. Is-Surmast Alfred Farrugia, ħa uffiċjalmen til-kariga ta’ Surmast Direttur tal-Banda Queen Victoria A.D. 1865 mingħand il-mibki Surmast Emanuel Bugeja nhar is-27 ta’ Lulju tas-sena 1991, waqt il-programm strumentali annwali tal-Banda
Queen Victoria A.D. 1865 li dak iż-żmien kien għadu jsir lejlet il-Festa tal-Madonna tal-Karmnu.

Dakinhar tal-ħatra tiegħu, is-Surmast Alfred Farrugia wiegħed li se jkun qed jagħmel dak kollu possibli sabiex bħad-diretturi kollha ta’ qablu iżomm fil-għoli il-prestiġju li dejjem gawdiet il-Banda Queen Victoria A.D. 1865 tul is-snin. Tul it-triq ta’ tletin sena li bdiet minn dakinhar, din il-wegħda ċertament li ma kisirhiex tant li mexxa lill-Banda f’uħud mill-isbaħ mumenti tal-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria.

Fost dawn il-mumenti sbieħ tul it-tletin sena, bejn l-1991 u l-2021, li matulhom is-Surmast Alfred Farrugia idderieġa l-Banda Queen Victoria A.D. 1865 ċertament li wieħed isib il-wasla tal-vara tal-Madonna tal-Karmnu mir-restawr fl-1993, ix-xiri tal-Każin fl-1993 ukoll, il-ftuħ tal-ewwel fażi tal-Każin fl-1996, it-tqegħid tal-ewwel ġebla tiegħu fl-1997 u l-inawgurazzjoni uffiċjali fl-2006.

Taħt id-direzzjoni tas-Surmast Alfred Farrugia l-Banda Queen Victoria A.D. 1865 għamlet 3 żjarat barra minn xtutna; Palazzolo Sqallija fl-1998, San Marino fl-2015 u Aosta fl-2018. Fost diversi okkażjonijet oħra ċertament li jispikkaw iċċelebrazzjoni tal-25 sena tiegħu bħala Surmast Direttur fl- 2016 u l-inawgurazzjoni tal-Monument tal-Madonna tal-Karmnu fid-daħla taż-Żurrieq fl-2017.

Il-lista ta’ avventimenti li fihom ipparteċipat il-Banda Queen Victoria A.D. 1865 tul dawk it-30 sena hija waħda enormi, u hija daqstant ieħor kbira is-selezzjoni ta’ mużika li kkompona u dderieġa s-Surmst Alfred Farrugia. Siltiet li bosta jgħożżu u jiftakru.

Il-programm li se jiġi eżegwit mill-Banda Queen Victoria A.D. 1865, għall-aħħar darba taħt id-direzzjoni tas-Surmast Alfred Farrugia, se jiħodna qalb uħud mill-isbaħ mumenti ta’ dawn it-30 sena u jġeddilna l-memorji permezz ta’ mużika li kkompona l-istess Surmast.

Finalment, minkejja li d-direzzjoni tal-Banda Queen Victoria ilha li għaddiet uffiċjalment għand is-Surmast Mauro Farrugia sa mis-17 ta’ Lulju 2021 lejn tmiem dan il-programm se ssir iċ-ċerimonja simbolika tal-għoti tal-bakketta mis-Surmast Alfred Farrugia, lis-Surmast il-ġdid, ibnu, is-Surmast Mauro Farrugia.

Il-Programm strumentali tal-14 ta’ Lulju 2022 li jibda fid-9 ta’ filgħaxija huwa ċertament wieħed li ebda delettant tal-baned Maltin m’għandu jitlef.

Sport