Saturday, December 14, 2024

Programm Strumentali li jfakkar il-75 sena mindu l-ewwel Soċjetà Mużikali Mqabbija nbidlet f’banda

Aqra wkoll

Il-Banda Re Ġorġ V tas-Soċjetà Santa Marija, l-ewwel għaqda mużikali Mqabbija, matul l-2022 qiegħda tiċċelebra l-75 sena minn pass ieħor ewlieni fl-iżvilupp tagħha, dak li fih inbidlet f’banda.

Dan l-anniversarju se jitfakkar permezz ta’ Kunċert Strumentali ewlieni fl-okkażjoni tal-festa tal-Imqabba nhar l-Erbgħa 10 ta’ Awwissu filpjazza tar-raħal. Il-Banda Re Ġorġ V, taħt id-direzzjoni ta’ Mro David Agius, se tesegwixxi diversi siltiet klassiċi u kontemporanji. Mro David Agius qed jagħlaq ukoll 25 sena fit-tmun tal-banda. Il-programm jibda fid-9:00pm u se jkun bla ħlas.

Il-Banda Re Ġorġ V kellha l-bidu tagħha qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, fl-1939, meta Ġużeppi Galea beda jgħallem il-mużika fl-għaqda li dak iż-żmien kellha l-isem ta’ King George V Club. F’nofs l-1944, dik li kellha l-isem ta’ ‘Orkestra Santa Marija’ kienet diġà ffurmata ħalli toħroġ iddoqq kif kienet ħabbret il-gazzetta ta’ kuljum IlBerqa fis-16 ta’ Frar 1945.

Dan fil-fatt għamlitu fit-12 ta’ Awwissu 1945 meta, għall-ewwel darba fl-Imqabba, għaqda mużikali esegwiet programm strumentali pubbliku, fit-Tieni Tridu tal-festa titulari, fuq planċier filpjazza tal-knisja parrokkjali ħdejn is-sede tal-għaqda.

Fis-seduta ġenerali tal-għaqda fl-20 ta’ Ottubru 1946, l-Orkestra Santa Marija nbidlilha isimha għal ‘Banda Re Ġorġ V’. L‐ewwel programm mużikali bl-isem il-ġdid tagħha għamlitu nhar Ħadd il‐Palm ta’ wara, fit-30 ta’ Marzu 1947.

Dan il-pass, li tiegħu s-Soċjetà Santa Marija – Banda Re Ġorġ V qiegħda tfakkar il75 anniversarju kif jixraq matul din is-sena, ikompli mal-ħafna passi oħrajn li għamlet biex tiċċelebra kif jixraq il-festa titulari tal-Imqabba u wkoll fil-kisba ta’ ħafna unuri nazzjonali u internazzjonali għaliha, fosthom il-premju tal-Unjoni Ewropea ‘Stilel tad-Deheb tal-Ġemellaġġi’ fl-1998.

Ekonomija

Sport