Għat-tieni sena konsekuttiva, qed jiġi mniedi programm ta’ attivitajiet, mifruxa fuq xahar, sabiex ikompli jżid l-għarfien dwar il-ħarsien tas-saħħa mentali. Għal din it-tnedija kienu preżenti l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta u l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.
Dan il-programm ta’ attivitajiet, li qed isir taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, għandu l-għan li jkompli jnaqqas l-istigma marbuta mas-saħħa mentali. Il-programm ta’ attivitajiet se jinkludi attivitajiet ta’ diskussjoni, simpożji, kif ukoll wirja tal-arti. L-attivitajiet jibdew propju llum, l-10 ta’ Settembru, fil-Jum Dinji għall-Ħarsien tas-Suwiċidju, u se jibqa’ għaddej sal-10 t’Ottubru li jimmarka l-Jum Dinji għall-Ħarsien tas-Saħħa Mentali.
F’diskors tal-okkażjoni, l-E.T. Myriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta, fissret kif din it-tnedija saret taħt il-patroċinju tagħha għax il-Presidenza hi konvinta mill-bżonn li l-poplu jingħata l-informazzjoni biex jieħu ħsieb ukoll is-saħħa mentali tiegħu, u tkompli tiġi miġġielda l-istigma.
Il-President Myriam Spiteri Debono fakkret li l-problemi ta’ saħħa mentali jistgħu jiġu indirizzati, u li l-kura tista’ twassal għall-fejqan, u għalhekk appellat biex dawk li jħossu l-bżonn ifittxu l-għajnuna immedjatament. Għalhekk ħeġġet individwi li jħossu li qed jiżviluppaw sitwazzjonijiet ta’ sfidi ta’ saħħa mentali, biex jagħmlu użu tal-helpline 1579.
Il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif l-istrateġija tal-Gvern hi bbażata fuq il-ħarsien tas-saħħa mentali f’kull aspett tas-soċjetà. “Għal dan il-Gvern il-ħarsien tas-saħħa mentali hija prijorità nazzjonali. Nemmnu f’kura tas-saħħa waħda u l-ewwel pass biex inkissru l-istigma hu li propju nagħqdu l-kura tas-saħħa li tkun tinkludi s-saħħa mentali kif ukoll is-saħħa fiżika. Dan hekk kif pazjenti li jkunu għaddejjin minn sfidi ta’ saħħa fiżika, ħafna drabi huma wkoll jiffaċċjaw sfidi ta’ saħħa mentali,” spjega l-Ministru Abela.
“Kommessi li nkomplu naħdmu biex ħadd ma jibqa’ waħdu. F’dan ir-rigward, għandna bżonn il-kollaborazzjoni ta’ kull parti tas-soċjetà, ħalli flimkien inkomplu nħarsu l-isfidi marbuta mas-saħħa mentali”, temm jgħid Dr Abela.