Wednesday, January 29, 2025

Programmi aktar aċċessibbli għal tfal neqsin mis-smigħ… Produzzjoni bit-3 lingwi uffiċjali Maltin

Aqra wkoll

L-episodji ta’ “Peppa Pig bil-Malti” bdew jiġu addattati b’interpretazzjoni tas-sinjali u b’sottotitoli għal tfal neqsin mis-smigħ. Tħabbar dan mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia waqt żjara li hija għamlet fis-sett ta’ Peppa Pig bil-Malti fl-istudios ta’ TVM, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv t’Aġenzija Sapport Oliver Scicluna.

B’appoġġ finanzjarju mill-Ministeru lill-Media Exclusive Limited, mill-bieraħ bdew jixxandru l-programmi ta’ “Peppa Pig bil-Malti”, li huwa speċifikament immirat għal tfal bejn l-etajiet ta’ sena u seba’ snin, b’mod speċjali għall-benefiċċju ta’ tfal neqsin mis-smigħ fejn kull episodju qed jiġi addattat b’interpretazzjoni tas-sinjali u b’sottotitoli.

Dan il-programm jinkludi total ta’ 52 episodju, li qed jixxandru fuq l-istazzjon nazzjonali, TVM. Il-produzzjoni għandha l-għan li tippromwovi d-divertiment u l-edukazzjoni fost it-tfal Maltin u Għawdxin, waqt li żżid il-kuxjenza dwar l-importanza tal-inklużjoni fil-mezzi tax-xandir.

Il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif dawn l-episodji jattwaw u jibnu fuq l-istrateġija nazzjonali għall-persuni b’diżabilità fejn tfal b’diżabilità għandhom ukoll id-dritt għal xandir inklussiv.

“Din il-produzzjoni innovattiva ta’ Peppa Pig bil-Malti hija pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba biex insaħħu l-inklużjoni u l-aċċessibilità għat-tfal kollha f’pajjiżna. It-tfal neqsin mis-smigħ għandhom dritt li jgawdu kontenut edukattiv u ta’ kwalità, daqskemm għandhom it-tfal l-oħra. Il-fatt li qed ikollna episodji b’interpretazzjoni fis-sinjali u sottotitoli juri l-impenn tagħna biex noħolqu soċjetà aktar ġusta u li tħaddan lil kulħadd. Nixtieq insellem lit-tim tal-produzzjoni li ħadem fuq dawn l-episodji, li mhux biss qed iżidu l-ferħ fid-djar tagħna, iżda wkoll qed ikomplu jixprunaw il-valuri tal-ugwaljanza u r-rispett lejn id-diversità.”


Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna, fisser kif huwa dejjem ta’ pjaċir għall-aġenzija li jikkollaboraw ma’ entitajiet differenti biex proġetti ta’ din in-natura jieħdu l-ħajja.

Min-naħa tiegħu, il-produttur eżekuttiv, Ben Camille, stqarr li, “Dan il-proġett għandu l-idea li jinkludi lil kulħadd. Xi ħaġa speċjali li anke jiena tgħallimt, li s-sottotitoli mhux biss jgħinu lil min hu nieqes mis-smigħ, imma anke lil min pereżempju għandu l-ADHD.”


Il-produttur eżekuttiv Christian Gravina spjega kif Peppa Pig bil-Malti hija l-ewwel produzzjoni li se tinkorpora t-tliet lingwi uffiċjali ta’ Malta. “Għandek il-lingwa bil-Malti li hija Peppa Pig u l-karattri tagħha, il-lingwa tal-Ingliż li hija s-sottotitoli u l-lingwa tas-sinjali li hija t-tielet lingwa uffiċjali li għandna f’Malta.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport