Saturday, October 26, 2024

PROGRESS FIL-ĠLIEDA KONTRA L-ISFRUTTAMENT TAL-ĦADDIEMA TAL-PJATTAFORMA

Aqra wkoll

Ix-xogħol tal-ħaddiema tal-pjattaforma minkejja l-kontroversja li ħoloq u li għadu joħloq f’pajjiżna minħabba l-kundizzjonijiet u pagi miżeri li xi kultant dawn jaqilgħu, ma nistgħux ma nirrikonoxxux il-ħidma tagħhom li wettqu meta pajjiżna kien għaddej mill-eqqel tal-pandemija tal-Covid-19. Dawn kienu strumentali biex wasslu l-ikel lil dawk li ma setgħux joħorġu minn djarhom minħabba l-perjodu tal-kwarantina. Illum is-servizz ta’ dawn il-ħaddiema sar xi ħaġa kważi mfittxija kontinwament minn ħafna Maltin u Għawdxin.

Ma nistgħux ma nirrikonoxxux lanqas li f’dan is-settur għadhom isiru abbużi fuq dawn il-ħaddiema tant li l-gvern wettaq riforma f’dan is-settur biex dawn l-abbużi jonqsu kemm jista’ jkun u kif ukoll biex dawn il-ħaddiema jingħataw il-kundizzjonijiet li jistħoqqilhom. Barra minn hekk din ir-riforma qed tgħinhom ikunu infurmati aħjar dwar xi drittijiet għandhom quddiem il-liġi.

Dan għaliex minkejja li f’pajjiżna l-ebda ħaddiem ma jista’ jaqla’ inqas mill-paga minima, aktarx iva milli le, ħaddiema tal-pjattaforma kienu qegħdin jiġu sfruttati, mhux biss fil-ħlas imma anke fil-ħinijiet tax-xogħol tagħhom. Mhux l-ewwel darba li rajna muturi għaddejjin iqassmu l-ikel fis- sigħat bikrin ta’ filgħodu, anzi bħal donnu din saret in-norma l-iktar minn ħaddiema oħra li jaħdmu f’xiftijiet ta’ billejl. Is-sigħat twal li jkollhom jaħdmu dawn il-ħaddiema, ħafna drabi fi ġlieda kontinwa kontra l-ħin, iwasslu għal inċidenti sfortunati li fihom dawn l-istess persuni jkunu qegħdin jipperikolaw ħajjithom u dik ta’ ħaddieħor. Filwaqt li huwa tajjeb li saret din ir-riforma, madankollu tibqa’ fatt il-ħtieġa li dawn ikunu regolarizzati anke f’sens tal-mod kif isuqu fit-toroq.

Din ir-riforma diġà ilha fis-seħħ tliet xhur u kif qal is-Segretarju Parlamentari għad-Djaologu Soċjali Andy Ellul bdiet tħalli r-riżultati mixtieqa tant li sal-lum id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali ma rċie- va l-ebda rapport ta’ abbuż mill-bidu tagħha.

Dan ma jfissirx li l-abbużi nqatgħu kollha, anzi nemmnu li mhuwiex faċli li taqta’ dan l-abbuż għalkollox f’dan is-settur aktar u aktar meta qegħdin ngħixu f’realtà ġdida ta’ xogħol li d-domanda għalih qiegħda dejjem tiżdied.

Fil-kuntest ta’ dan kollu, il-General Workers’ Union kienet strumentali biex tiddaħħal riforma li l-ewwel għan tagħha kellu jkun li tnaqqas bil-kbir ix-xogħol prekarju f’pajjiżna. Għalhekk hija f’lokha wkoll l-għajta tal-GWU, li kull min jaħdem, anke f’dan is-settur, ikun obbligat li jissieħeb f’unjin tal-għażla tiegħu sabiex b’hekk ikollu min jipproteġilu l-interessi tiegħu.

Għalkemm is-sħubija mandatorja tal-ħaddiema fi trejdunjin mhux kulħadd jaqbel magħha, madankollu ma jistax jingħad li din mhijiex miżura indirizzata biex ittejjeb, mhux biss il-kwalità tax-xogħol imma wkoll tipproteġi lill-ħaddiema mill- isfruttament.

Sport