Wednesday, December 25, 2024

Progress fil-ħarsien tal-ambjent … iżda fadal ħafna xi jsir

Aqra wkoll

Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jidher kemm il-Maltin qed isiru konxji għall-ħarsien tal-ambjent. Dan jirriżulta minn stħarriġ li sar dwar ix-xejriet u l-għażliet li jagħmlu l-Maltin fix-xiri tagħhom ta’ prodotti u oġġetti oħra li jħallu impatt fuq l-ambjent naturali.

L-istħarriġ, li sar għax-xahar ta’ Marzu mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) fl-okkażjoni tal-Jum Dinji dwar l-Ambjent, ikkonkluda li 62% ta’ dawk intervistati jippruvaw kemm jista’ jkun jevitaw prodotti ppakkjati fil-plastik filwaqt li 63% jużaw il-basktijiet tagħhom kull meta jagħmlu x-xirja.

Madankollu, ftit huma dawk, b’21%, li jużaw fliexken li jerġgħu jiġu użati. L-istess statistika turi li huma 20 fil-mija biss tal-Maltin li jikkunsidraw l-ambjent bħala l-ogħla prijorità waqt li jkunu jagħmlu x-xiri tagħhom.

Nota pożittiva li ħarġet mill-istħarriġ hija li 92% tan-nies jikkunsidraw li jixtru prodotti alternattivi b’inqas ippakkjar.

Il-flixken tal-plastik, tal-ilma u l-luminati huma l-iktar kontenituri b’79%, kkunsmati bħala prodottt tal-plastik li jintużaw darba biss. Magħhom hemm ukoll il-boroż li jintużaw biex jissiġillaw l-ikel fihom.

Dwar it-tipjip, 18% ta’ dawk li rrispondew qalu li jarmi l-loqom tas-sigaretti mal-art filwaqt li 17% oħra qalu li jarmu l-loqom fil-kontenituri apposta li hemm fil-bajjiet.

Dwar l-impatt tal-plastik fuq il-ħajja marittima, 50% tal-Maltin wieġbu li huma konxji ta’ dan. Fl-istess waqt, 54% wieġbu li l-iktar skart komuni fil-bajjiet huma l-loqom tas-sigaretti u 18% qalu li t-tazzi tal-plastik.

Dan kollu jindika li għalkemm sar progress fil-mentalità tal-Maltin dwar il-ħarsien tal-ambjent, madankollu għad fadal ħafna xi jsir biex tkompli tikber il-kuxjenza favur l-ambjent fl-aspetti kollha tiegħu.

Ekonomija

Sport