Tuesday, January 6, 2026

Progress fit-taħditiet dwar il-gwerra fl-Ukrajna iżda fadal kwistjonijiet delikati

Aqra wkoll

Il-President tal-Istati Uniti u dak tal-Ukrajna, Donald Trump u Volodymyr Zelensky, sostnew li waqt it-taħditiet fi Florida sar progress biex tintemm il-gwerra fl-Ukrajna iżda fadal kwistjonijiet delikati ħafna x’jissolvew.

Filwaqt li Trump u Zelensky iddeskrivew it-taħditiet bħala “tajbin ħafna”, Trump tenna li punt ewlieni ta’ tensjoni kien il-kwistjoni tat-territorju li r-Russja trid li l-Ukrajna ċċedi l-art li r-Russja okkupat tul il-gwerra.

Meta indirizza lill-ġurnalisti f’Mar-a-Lago, Zelensky qal li kienu waslu għal ftehim fuq 90% ta’ pjan ta’ paċi ta’ 20 punt, filwaqt li Trump qal li garanzija ta’ sigurtà għall-Ukrajna kienet qrib il-95% li tkun finalizzata.

Timijiet Amerikani u Ukreni se jiltaqgħu l-ġimgħa d-dieħla għal aktar taħditiet dwar kwistjonijiet li fadal immirati biex itemmu l-gwerra ta’ kważi erba’ snin fl-Ukrajna wara li r-Russja nediet invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna fi Frar 2022. Moska bħalissa tikkontrolla madwar 20% tat-territorju Ukren.

Moska bħalissa tikkontrolla madwar 75% tar-reġjun ta’ Donetsk, u madwar 99% tar-reġjun ta’ Luhansk. Ir-reġjuni huma magħrufa kollettivament bħala Donbas.

Ir-Russja trid li l-Ukrajna tirtira mill-parti żgħira tat-territorju li għadha tikkontrolla f’Donbas, filwaqt li Kyiv insistiet li ż-żona tista’ ssir żona ekonomika ħielsa kkontrollata mill-forzi Ukreni.

Trump ripetutament biddel il-pożizzjoni tiegħu dwar it-territorji mitlufa tal-Ukrajna u f’Settembru li għadda ħasad lill-osservaturi meta qal li l-Ukrajna tista’ tkun kapaċi tirbaħhom lura. Aktar tard huwa biddel din ir-rotta.

Filwaqt li l-President tal-Istati Uniti huwa ħerqan li jżid il-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja mal-lista ta’ kunflitti li jsostni li huwa solva, wissa li jekk it-taħditiet imorru ħażin jistgħu jfissru li l-gwerra tkompli.

Aktar kmieni huwa kellu telefonata mal-President Russu Vladimir Putin. Filwaqt li l-President tal-Istati Uniti ma offriex ħafna dettalji ta dak li ntqal waqt it-telefonata, qal li jemmen li l-mexxej Russu “jrid li l-Ukrajna tirnexxi”. Fl-istess ħin, huwa rrikonoxxa li Moska kellha ftit interess għal waqfien mill-ġlied li jippermetti lill-Ukrajna torganizza referendum.

Il-konsulent tal-politika barranija Russa u eks ambaxxatur tar-Russja fl-Istati Uniti Yuri Ushakov qal li Trump u Putin iddiskutew l-aħħar proposti tal-Unjoni Ewropea u tal-Ukrajna biex tintemm il-gwerra.

Sadanittant, wara laqgħa mal-alleati Ewropej, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen faħħret il-progress li sar fit-taħditiet ta’ Florida filwaqt li saħħet il-ħtieġa li l-Ukrajna tingħata garanziji sodi ta’ sigurtà. Il-President Franċiż Emmanuel Macron ħabbar li l-alleati tal-Ukrajna se jiltaqgħu f’Pariġi x-xahar id-dieħel biex jiddiskutu l-garanziji ta’ sigurtà.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport