F’dak li ġie meqjus bħala pass kbir, l-Assemblea Nazzjonali ta’ Franza approvat abbozz ta’ liġi li jipprojbixxi l-aċċess għall-midja soċjali għal tfal taħt il-15-il sena. Il-proposta tal-projbizzjoni kienet appoġġjata mill-President tal-pajjiż Emmanuel Macron.
Il-membri parlamentari nhar it-Tnejn qablu dwar elementi ewlenin tal-abbozz ta’ liġi, qabel ma vvutaw 116-23 favur tiegħu. Issa, l-abbozz ta’ liġi se jmur quddiem is-Senat għall-approvazzjoni. Jekk jiġi approvat, tfal żgħar, ta’ 15-il sena jew inqas ma jkunux jistgħu jużaw netwerks bħal Snapchat, Instagram u TikTok.
Il-mossa Franċiża hija parti minn xejra dejjem tikber ta’ restrizzjoni tan-netwerks soċjali għat-tfal, imqanqla minn evidenza dejjem tikber tal-ħsara li jistgħu jikkawżaw lis-saħħa mentali. Liġi simili ġiet approvata fl-Awstralja s-sena l-oħra.
Wara li l-Parlament Nazzjonali Franċiż għadda l-abbozz ta’ liġi f’sessjoni matul il-lejl bejn nhar it-Tnejn u t-Tlieta, Macron sejjaħlu “pass kbir”.
F’messaġġ fuq il-midja soċjali, Macrron appella lill-gvern biex iħaffef il-passi li jmiss, sabiex din il-projbizzjoni tidħol fis-seħħ kmieni mis-sena skolastika li jmiss. Is-sena skolastika l-ġdida tibda fl-1 ta Settembru fi Franza. L-imħuħ ta wliedna mhumiex għall-bejgħ, kiteb Macron.
Ix-xahar li għadda, il-President Franċiż qal li “ma nistgħux inħallu s-saħħa mentali u emozzjonali ta’ wliedna f’idejn nies li l-uniku skop tagħhom huwa li jagħmlu l-flus minnhom.”
Taħt it-test tal-liġi l-ġdida, ir-regolatur tal-midja tal-istat se jkun li jfassal lista ta’ netwerks tal-midja soċjali li huma meqjusa ta’ ħsara. Dawn sempliċement jiġu pprojbiti għal tfal taħt il-15-il sena.
Lista separata ta’ siti li suppost huma inqas ta’ ħsara tkun aċċessibbli, iżda biss bl-approvazzjoni tal-ġenituri.
Klawżola oħra tipprojbixxi l-użu tat-telefowns ċellulari f’ċertu skejjel. Projbizzjoni bħal din diġà tinsab fis-seħħ fl-iskejjel tan-nofs u tal-primarja.
Jekk il-liġi tiġi mgħoddija, Franza jkollha taqbel dwar il-mekkaniżmu għall-verifika tal-età. Diġà hemm sistema fis-seħħ li teħtieġ li dawk li għandhom aktar minn 18-il sena jippruvaw l-età tagħhom meta jaċċessaw il-pornografija online.
Fl-Ewropa, id-Danimarka, il-Greċja, Spanja u l-Irlanda qed jikkunsidraw ukoll li jsegwu l-eżempju Awstraljan. Aktar kmieni dan ix-xahar, il-gvern tar-Renju Unit nieda konsultazzjoni dwar il-projbizzjoni tal-midja soċjali għal dawk taħt is-16-il sena.
F’Malta wkoll bħalissa qed issir konsultazzjoni pubblika dwar l-użu ristrett tal-midja soċjali bl-istess għan ta’ dawn il-pajjiżi, iżda għal tfal ta’ 13-il sena jew inqas.

