Tlestiet ir-riġenerazzjoni ta’ Wied Għajn Riħana f’Burmarrad, fejn Project Green wettqet xogħol estensiv sabiex tikkumbatti l-għargħar u jitjieb l-aċċess sigur għall-bdiewa u l-viżitaturi f’dan il-wied.
Waqt żjara fuq il-post mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli flimkien mal-Perit Beverley Costa, COO ta’ Project Green, it-tim tal-aġenzija spjega x-xogħol li twettaq sabiex il-Wied jiġi riabilitat. Wara li l-wied tnaddaf minn madwar tliet tunnellati ta’ skart, inbnew mill-ġdid il-ħitan tas-sejjieħ – tul ta’ 1.2km – u ġew installati gradi u lqugħ tal-injam. Dan sar bil-għan li titnaqqas l-erożjoni tal-ħamrija u jitjieb l-aċċess għall-bdiewa.
It-tneħħija ta’ speċi invażivi u t-tħawwil ta’ 1,400 siġra u arbuxelli flimkien mat-tindif tal-wied ser itejbu l-kapaċità tal-wied li jiġbor l-ilma tax-xita filwaqt li titnaqqas il-problema tal-għargħar fid-dawra tal-wied.
Parti essenzjali ta’ dan il-proġett kienet it-tindif tal-wied innifsu, fejn tneħħew madwar tliet tunnellati ta’ skart fosthom oġġetti abbandunati bħal tankijiet għall-ħażna taż-żejt, azzar, blokok tal-konkos, madum imkisser, settijiet ta’ kmamar tal-banju u materjal ieħor mormi illegalment.
Ir-riġenerazzjoni inkludiet ukoll it-tneħħija ta’ speċi aljeni invażivi biex jagħmlu spazju għat-tħawwil ta’ siġar u arbuxelli. Il-Ministru Miriam Dalli qalet li dan il-proġett huwa mudell ta’ kif is-sostenibbiltà, l-agrikoltura u r-rikreazzjoni jistgħu jimxu id f’id.
“Il-widien huma parti integrali mill-ekoloġija naturali. Hija ħasra li minkejja s-servizzi b’xejn offruti mill-gvern u minkejja l-kampanji edukattivi, nibqgħu nsibu dawk il-ftit irresponsabbli li jibqgħu jarmu b’mod illegali fil-widien u l-ispazji miftuħa. Filwaqt li bħala gvern se nibqgħu nagħmlu l-parti tagħna biex insebbħu u nieħdu ħsieb il-widien, nħeġġeġ lil kulħadd biex jagħmel il-parti tiegħu u jżomm dawn l-ispazji nodfa,” qalet il-ministru.
Beverley Costa, Chief Operations Officer ta’ Project Green, enfasizzat l-importanza tal-proġett u qalet li din l-inizjattiva turi l-impenn ta’ Project Green biex l-aġenzija tipprovdi riżultati konkreti li jibbenefikaw kemm lill-ambjent kif ukoll lill-komunitajiet lokali.
Min-naħa tiegħu, Joseph Borda, Senior Project Manager ta’ Project Green iddeskriva il-metodi innovattivi u sostenibbli li ntużaw f’din ir-riġenerazzjoni. Huwa spjega kif “L-għan tagħna kien li nilħqu l-bilanċ ekoloġiku filwaqt li nindirizzaw il-ħtiġijiet tal-bdiewa u kull min iżur dan il-wied. Mir-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ għat-tħawwil ta’ speċi li jifilħu l-ilmijiet, kull dettall ġie maħsub bir-reqqa biex jirrispetta l-karateristiċi naturali tal-wied,” spjega s-Sur Borda.
Permezz ta’ din ir-riġenerazzjoni ġiet imtejjba ukoll l-aċċessibilità għall-bdiewa lokali filwaqt li ħoloq ambjent attraenti għall-mixi u l-esplorazzjoni. Wied Għajn Rihana sar żona ħadra vitali għar-Reġjun tat-Tramuntana, b’4,410 residenti jgħixu f’madwar għaxar minuti mixi bogħod mill-wied.
Dan il-proġett huwa ko-finanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD).