Sunday, November 24, 2024

Project Green testendi l-park ta’ San Klement b’aktar minn 2,000 metru kwadru

Aqra wkoll

Aktar minn 2,000 metru kwadru ta’ spazju miftuħ fil-Park ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar qed jingħata lura lill-pubbliku f’forma ta’ picnic area biex dan il-park tant popolari mar-residenti jkompli jitgawda.

Din il-parti l-ġdida tal-park infetħet uffiċjalment mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Steve Ellul wara xogħol ta’ riġenerazzjoni li kien għaddej.

Ġie spjegat li tħawlu aktar minn 250 siġra u arbuxelli filwaqt li sar trattament mal-parti tal-ħajt tal-football biex jitħaddar ukoll. Bħala parti mix-xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni ta’ dan il-ġnien tneħħew l-ispeċi invażivi u tpoġġew bankijiet magħmulin minn materjal sostenibbli. Bil-manutenzjoni li saret fuq il-ħajt tas-sejjieħ u l-wiring ta’ barra, din il-parti saret aktar sigura.

Il-Ministru Dalli qalet li f’din il-picnic area ġdida, bi ftit interventi u aktar siġar li ġew imħawla, Project Green għamlet dan il-post aktar sigur u komdu għal kulħadd. Ikkumentat kif l-ispazji miftuħa qed jintużaw għall-attivitajiet differenti, fosthom anke għall-festini tat-tfal. “B’hekk anke t-tfal jikbru aktar qrib in-natura, u jagħrfu dawn il-postijiet bħala parti integrali mill-ħajja u mhux biss xi post fejn tmur darba fil.”

Il-Kap Eżekuttiv Steve Ellul saħaq li f’inqas minn xahar din l-aġenzija ġa qed tħalli l-frott fil-komunitajiet bi proġetti li qed jagħtu spazji miftuħa isbaħ lil dawk kollha li jħobbu l-ambjent.

“Minn dan il-proġett se jkunu qed igawdu madwar 11,000 resident, li se jkollhom aċċess għal dan il-ġnien f’inqas minn 10 minuti l-bogħod ta’ mixi minn fejn jgħixu. Din hija waħda mill-għanijiet prinċipali tal-aġenzija ta’ Project Green,” qal is-Sur Ellul.

Sport