Monday, November 18, 2024

Project Green tiftaħ l-ewwel Green Open Campus f’Malta

Aqra wkoll

Studenti jistgħu jaħdmu u jistudjaw fi spazju miftuħ ta’ madwar 7,400 metru kwadru permezz ta’ faċilitajiet ġodda fosthom wifi b’xejn u anki charging points. Dan wara ħidma li saret minn Project Green f’Milbrae Grove, biex issa l-istudenti jistgħu jgawdu mill-ewwel Green Open Campus, li jinsab bieb ma’ bieb mal-Istitut tal-Arti Kreattiva tal-MCAST, il-Mosta.

Il-Ministri Miriam Dalli u Clifton Grima flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Steve Ellul,  enfasizzaw dwar l-importanza ta’ spazji miftuħa fejn l-istudenti jistgħu jistudjaw, b’benefiċċju  għas-saħħa mentali tal-istudenti u ż-żgħażagħ.

Dan il-Green Open Campus huwa mgħammar b’charging points għall-apparat elettroniku u hemm wifi pubbliku, biex kemm l-istudenti u anke l-pubbliku jkunu jistgħu jużaw dan l-ispazju miftuħ għall-istudju jew għall-ħidma tagħhom. Il-konnettività tal-internet hija b’xejn u aċċessibbli għal kulħadd.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli spjegat kif bħala parti minn dan il-proġett, ħames studenti mill-MCAST qed jikkollaboraw ma’ Project Green biex jiddisinjaw il-bankijiet f’dan il-ġnien, biex ikun aktar attraenti għaż-żgħażagħ u l-istudenti jħossu li l-ġnien huwa tagħhom.

“B’inizjattiva wara l-oħra rridu nuru kif l-ispazji miftuħa għandhom użu differenti. Mhux biss biex jitgawdew matul ħin rikreattiv imma jistgħu jintużaw bħala spazju aktar rilassat fejn wieħed jista’ jistudja, jaqra’ jew jaħdem. Meta ninkorporaw l-ambjent fil-ħidma tagħna ta’ kuljum ngħinu biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna, b’impatt pożittiv fuq is-saħħa mentali,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima tkellem dwar l-importanza tal-ispazji miftuħa u spazji ħodor fl-ambjent edukattiv.

“Fil-proġetti kollha infrastrutturali tas-snin riċenti rajna li mhux biss nipprovdu l-aqwa ambjent edukattiv possibbli, imma li noħolqu wkoll spazji miftuħa u ħodor biex inħarsu l-benesseri tal-istudenti tagħna. Anki f’din l-Istituzzjoni Edukattiva għaddejjin proġetti kbar infrastrutturali biex l-MCAST inkomplu nagħtuh dehra li tixraq għaż-żmien tal-lum, b’ambjent modern u bi spazji adegwati li permezz tagħhom igawdu dawk kollha li jattendu f’din l-istituzzjoni,” qal il-Ministru Grima.

Il-Kap Eżekuttiv Steve Ellul qal li “Dan huwa proġett li sar b’kollaborazzjoni ma’ studenti li jistudjaw l-MCAST. Kull spazju miftuħ għandu t-tema tiegħu u dan huwa dedikat speċifikament għall-istudenti. Proġett miż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ.”

Il-Green Open Campus ta’ Milbrae Grove jinkludi fih madwar 205 siġra li 155 siġra minnhom tħawlu bħala parti mill-inizjattiva ma’ Puttinu Cares. Kull siġra tissimbolizza donazzjoni ta’ €300 lil Puttinu Cares. Dan il-proġett se jkun qed iservi bħala eżempju għal proġetti simili li qed jiġu ppjanati għaż-żmien li ġej.

Ekonomija

Sport