Monday, June 30, 2025

Promozzjoni tal-Inklużjoni fl-Edukazzjoni Fiżika: Il-viżjoni ta’ Edukatur Malti għal studenti bl-Awtiżmu

Aqra wkoll

minn Keith Grima Scott

Bħala għalliem tal-Edukazzjoni fFżika (PE) u missier ta’ tifla fuq l-ispettru tal-awtiżmu, ilni ninduna bl-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-istudenti b’disturb fl-ispettru tal-awtiżmu (ASD) fil-klassijiet tal-PE. Din l-esperjenza personali u professjonali kienet l-ispirazzjoni għat-teżi tiegħi tal-Master, Strategiji fl-Edukazzjoni Fiżika għall-Għalliema ta’ Studenti bl-Awtiżmu, imwettqa fl-Università ta’ Malta.

L-għan ewlieni tar-riċerka tiegħi kien li nesplora kemm l-għalliema tal-PE fl-iskejjel tal-Knisja f’Malta huma ppreparati biex jinkludu studenti bl-ASD, u biex nidentifika strateġiji prattiċi li jistgħu jappoġġjaw inklużjoni sinifikanti. Permezz ta’ intervisti semi-strutturati ma’ għaxar għalliema tal-PE, kemm fil-livell primarju kif ukoll f’dak sekondarju, studjajt il-perċezzjonijiet tagħhom, l-isfidi, u l-esperjenzi tagħhom fit-tagħlim ta’ studenti bl-awtiżmu.

Ir-riċerka wriet li filwaqt li ħafna għalliema huma miftuħin għall-inklużjoni, ħafna drabi jħossuhom mhux ippreparati biżżejjed minħabba nuqqas ta’ taħriġ u appoġġ. L-isfidi komuni jinkludu sensittività sensorja fl-istudenti, diffikultajiet fil-komunikazzjoni, u klassijiet kbar li jagħmluha diffiċli biex jingħata tagħlim personalizzat. Minkejja dawn l-ostakli, l-għalliema enfasizzaw diversi strateġiji effettivi: l-użu ta’ għajnuniet viżivi, sempliċifikazzjoni tat-tasks, tnaqqis fin-numru ta’ studenti fil-klassijiet, ippjanar minn qabel, u tutoring bejn il-pari.

Ir-riċerka tirrakkomanda aktar investiment fit-taħriġ tal-għalliema, partikolarment fl-edukazzjoni fiżika adattata, kollaborazzjoni aktar b’saħħitha ma’ edukaturi ta’ appoġġ u professjonisti, kif ukoll l-iżvilupp ta’ linji gwida nazzjonali biex jgħinu lill-għalliema joħolqu ambjenti aktar inklussivi.

Din ir-riċerka saret possibbli grazzi għall-Iskema ta’ Scholarships Sportivi, ffinanzjata mill-Gvern ta’ Malta. Jiena grat ħafna għal dan l-appoġġ, li ppermettili nsegwi dan ix-xogħol importanti bit-tama li noħloq esperjenzi aħjar tal-PE għal kulħadd—speċjalment għal dawk fuq l-ispettru tal-awtiżmu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport