Thursday, April 18, 2024

PROPJETÀ VERSU ĦARSIEN SOĊJALI

Aqra wkoll

Id-drittijiet tal-bniedem inkluż id-dritt għall-propjetà huma rikonoxxuti bħala pedament fondamentali li fuqu tistrieħ soċjetà moderna u demokratika. Imma l-istess drittijiet għandhom, u għandu jkollhom, ukoll dimensjoni soċjali. Kull persuna tgħix bħala ċittadin f’soċjetà, fatt li jġib miegħu ukoll il-ħtieġa li dritt personali  jirrispetta esiġenzi soċjali raġonevoli.

Smajt ilmenti – naħseb ġustifikati – dwar kif matul l-aħħar żminijiet, fl-interpretazzjoni ta’ dawn id-drittijiet l-emfażi qed titpoġġa għal kollox fuq id-dritt għall-propjetà, mingħajr ebda kunsiderazzjoni għal x’għandhom ikunu l-esiġenzi soċjali. Dan l-aktar fil-qasam tal-kirjiet ta’ djar u artijiet tal-biedja, imma mhux biss. Hi għażla li qed jagħmlu qrati Maltin u Ewropej.

U peress li f’ħafna każi qed jintalab u jingħata rimedju finanzjarju (li joħorġu l-gvern) qamet “industrija” legali li tippromwovu l-ftuħ ta’ kawżi fejn jintalab dar-rimedju. Dan barra milli l-kerrej jista’ jispiċċa b’dahru mal-ħajt. 

Żgur li għandu jkun hemm bilanċ aħjar bejn id-dritt personali u l-esiġenza soċjali għax jekk le, id-drittijiet tal-bniedem jispiċċaw għodda favur iż-żamma ta’ poteri soċjali u finanzjarji.

XINHI S-SOĊJETÀ ĊIVILI?

Saret moda li wieħed jitkellem dwar “is-soċjeta ċivili” u l-ħtieġa għaliha. Ħaġa ċara: hu importanti li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jinġabru fi gruppi/għaqdiet,  sejħilhom li trid, biex jippromwovu għanijiet u prinċipji li jaqblu magħhom.

Tqum iżda l-mistoqsija: dawn l-għaqdiet għandhom jingħataw kollha l-istess attenzjoni u piż? Jekk grupp jikkonsisti l-aktar minn tlieta, ħamsa min-nies li jikkomunikaw bejniethom b’mezzi elettroniċi, għandhom jippretendu li kull ma jgħidu għandu jingħata qies daqs ta’ grupp ieħor li ilu jopera s-snin? 

Jew għandna nqisu lill-attivisti tas-soċjetà ċivili skont kemm għandhom ħila li tassew jorganiżżaw dimostrazzjonijiet fit-toroq li għalihom jattendu l-folol?

KAĊĊA U INSIB

Il-lobby tal-kaċċa u l-insib għadu politikament qawwi għalkemm anqas qawwi milli kien xi snin ilu. Sfortunatament mill-qasam politiku, jitqies l-aktar mil-lat ta’ kif jaffettwa l-vot ta’ saff importanti tal-popolazzjoni. 

Mentri hu fl-interess taċ-ċittadini kollha, inkluż tal-kaċċaturi u n-nassaba nfushom, li d-delizzju jitqies skont il-post li għandu jkollu fis-soċjetà tagħna. Il-kaċċaturi u n-nassaba għandu jkollhom id-dritt li jipprattikaw id-delizzju tagħhom b’mod ħieles. Dal-ħelsien madankollu jrid jinżamm fi ħdan ta’ regoli ċari li bilfors se jirrispettaw normi ambjentali; ħafna minn tal-aħħar saru obbligi li Malta addottat meta daħlet fl-Unjoni Ewropea.

Ħaġa bħal din tirrekjedi kampanja edukattiva bla waqfien biex tinforma lil kull min hu interessat dwar xinhu permess u dwar kif u għaliex in-normi qed jiġu segwiti, kemm fejn dawn jagħtu nifs lid-delizzju u kemm fejn jagħfsuh. 

Ekonomija

Sport