“Irridu li niżguraw li fis-snin li ġejjin ikollna akkomodazzjoni turistika li taqbel mal-profil u l-volum tat-turisti li qed naspiraw għalihom. Matul is-snin irnexxielna noħolqu varjetà wiesgħa t’akkomodazzjonijiet turistiċi minn kull tip – lukandi, guesthouses, djar, vilel, appartamenti u oħrajn. Dawn kollha għandhom post importanti fid-diversifikazzjoni tat-turiżmu f’pajjiżna. Irridu naraw li din it-taħlita tibqa’ sostenibbli biex min qed jinvesti llum ma jqumx għada u jirrealizza li tefa’ flusu f’investiment li għalih m’hemmx domanda.”
Iddikjara dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg fil-Parlament meta kienu qed jiġu diskussi l-estimi finanzjarji tal-Ministeru li tiegħu huwa responsabbli. Huwa tkellem b’mod partikolari dwar is-settur tal-ospitalità u l-lukandi fejn ħabbar li mil-lum se tkun qiegħda tibda konsultazzjoni pubblika dwar diversi regolamenti li eventwalment jidħlu fis-seħħ wara li jintemm dan il-perjodu ta’ konsultazzjoni ta’ xahar.
Id-Deputat Prim Ministru stqarr li b’mod immedjat qed ikun propost li tispiċċa l-possibiltà li lukandi jgħollu żewġ sulari aktar minn kemm stabbilit fil-pjanijiet lokali. “Din kienet miżura meħtieġa fis-snin li għaddew iżda issa li lħaqna livell sostenibbli għal pajjiżna m’għadx hemm bżonnha u b’hekk ninċentivaw lil-lukandi biex minflok iżidu l-kmamar permezz ta’ iżjed sulari, iżidu l-kwalità.”
Fl-istess waqt se jiddaħħlu limiti ġodda għal numru ta’ kmamar u sodod f’kull investiment ta’ lukandi ġodda. “Qed naraw li lukandi ta’ aktar minn 200 kamra m’għandhomx ikunu approvati u mħeġġa. Guesthouses ikollhom sa 20 kamra jew aħjar 40 sodda u hostels ma jkollhomx aktar minn 40 sodda. Irridu li l-investiment isir fil-kwalità u mhux fil-kwantità,” tenna d-Deputat Prim Ministru.
Huwa kompla jgħid li “rridu niżguraw li l-bed stock illi qed ninvestu fih ikun sostenibbli għad-domanda tas-snin li ġejjin. Ir-regolamenti ġodda qed jittrattaw ukoll is-short term rentals, bħall-Airbnb – qasam importanti li kiber fl-aħħar snin.”
“Qed naraw li jkun hemm sitta f’kull post f’dawk il-proprjetajiet ġodda li jersqu ’l quddiem għall-applikazzjoni tal-liċenzja.
“Qed nipproponu tliet xhur cooling off. Dawk li jkollhom proprjetà mikrija fuq kirja residenzjali fit-tul (long lease) u jkunu jridu jeqilbu għal short term rental iridu jistennew tliet xhur bejn il-kirja residenzjali u dik turistika.
“Qed nipproponu li tiddaħħal tabella b’isem u kuntatt. M’aħniex nivvintaw ir-rota. Ilkoll naraw dan f’pajjiżi oħra. Kull akkomodazzjoni tal-STR irid ikollha tabella li tidher mit-triq li tindika n-numru tal-liċenzja mogħtija mill-MTA,” tenna jgħid id-Deputat Prim Ministru.
“Naf li min hu serju m’għandux problema jagħmel dan. B’dawn ir-regolamenti qed naraw li nibbilanċjaw it-tkabbir fl-industrija turistika mal-kwalità tal-ħajja fil-komunitajiet tagħna, mas-sostenibbiltà u r-rispett lejn il-komunitajiet.”

