Wednesday, April 23, 2025

Propost pjan ġdid ta’ waqfien mill-ġlied f’Gaza

Aqra wkoll

Il-medjaturi mill-Qatar u l-Eġittu pproponew formula ġdida biex tintemm il-gwerra f’Gaża. Il-proposta tipprevedi waqfien mill-ġlied ta’ bejn ħames u seba’ snin, il-ħelsien tal-ostaġġi Iżraeljani kollha bi skambju għall-priġunieri Palestinjani miżmuma fil-ħabsijiet Iżraeljani, it-tmiem formali tal-gwerra, u l-irtirar sħiħ tal-Iżrael minn Gaża.

L-aħħar waqfien mill-ġlied intemm xahar ilu meta Iżrael reġa’ beda jibbumbardja żoni f’Gaża, biż-żewġ naħat iwaħħlu f’xulxin għall-ksur tal-ftehim tal-waqfien mill-ġlied.

Sadanittant, 22 Palestinjan inqatlu f’serje ta’ attakki mill-ajru Iżraeljani madwar l-Istrixxa ta’ Gaża nhar it-Tnejn filgħaxija, skont ma qal uffiċjal mediku fil-ministeru tas-saħħa mmexxi mill-Ħamas. Dawn inqatlu f’Khan Younis, Jabalia, Beit Lahia, u l-Belt ta’ Gaza, u li ndarbu 45 persuna oħra.

Residenti lokali u nies oħra iddeskrivew l-attakki Iżraeljan mill-ajru bħala estremament intensi. Skont l-istess xhieda, l-attakki qerdu għexieren ta’ bulldozers u makkinarju użat mill-muniċipalitajiet immexxija mill-Ħamas biex jerġgħu jinfetħu t-toroq, jitneħħa it-terrapien u jsalvaw il-vittmi maqbuda taħt it-tifrik.

Hekk kif Iżrael qed ikompli bl-offensiva tiegħu, se jsiru taħditiet f’livell għoli fil-Kajr mill-kap tal-kunsill politiku Ħamas, Mohammed Darwish, u n-negozjatur ewlieni tiegħu Khalil al-Hayya.

It-taħditiet fil-Kajr se jseħħu jiem wara li l-Ħamas irrifjuta l-aħħar proposta ta’ Iżrael, li kienet tinkludi li l-Ħamas jiddiżarma bi tpattija għal waqfien ta’ sitt ġimgħat.

Is-Sibt li għadda, il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qal li mhux se jtemm il-gwerra qabel ma jeqred lill-Ħamas u l-ostaġġi kollha jinħelsu u jirritornaw lura. Il-Ħamas talab lill-Iżrael jimpenja ruħu biex itemm il-gwerra qabel ma l-ostaġġi jinħelsu.

Sadanittant, uffiċjal Palestinjan familjari mat-taħdidiet qal li l-Ħamas huwa lest li jgħaddi l-governanza ta’ Gaża lil kwalunkwe entità Palestinjana miftiehma “fil-livell nazzjonali u reġjonali”. Din tista’ tkun l-Awtorità Palestinjana ibbażata fix-Xatt tal-Punent jew korp amministrattiv ġdid.

Netanyahu iżda eskluda kwalunkwe rwol għall-Awtorita’ Palestinjana fil-governanza futura ta’ Gaża, li ilha mmexxija mill-Ħamas mill-2007.

L-Ambaxxata Palestinjana fil-Kajr tat struzzjonijiet lill-istaff tagħha li kienu qed jikkoordinaw evakwazzjonijiet mediċi minn Gaża lejn sptarijiet Eġizzjani u jiffaċilitaw id-dħul ta’ għajnuna umanitarja, biex jirrilokaw mal-familji tagħhom fil-belt Eġizzjana ta’ Arish, qrib il-fruntiera ta’ Gaża.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport