Monday, February 23, 2026

Proposta biex barranin bla residenza f’Malta, inkluż turisti, li jagħmlu illegalità jħallsu l-multa fuq il-post

Aqra wkoll

Il-Gvern qed jaħdem fuq proposta fejn persuni barranin li m’għandhomx residenza f’Malta, u għaldaqstant tinkludi t-turisti, li jkunu għamlu illegalità f’Malta, kontravenzjoni, bħal pereżempju jħammġu, jagħmlu ħafna storbju jew idejqu lil ġirien, ikollhom obbligu li jħallsu l-multa fuq il-post. B’dan il-mod jiżdied id-deterrent sabiex dawn mhux jitilqu mill-pajjiż u ma jħallsux dik il-multa. 

Ħabbar dan il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri f’filmat li tella’ fuq il-midja soċjali fejn qal li l-għan tal-Gvern huwa li kull min jiġi fostna, igawdi pajjiżna imma jagħmel dan b’diċenza u b’rispett anke lejn il-pajjiż u l-poplu tiegħu. 

Il-Ministru Camilleri stieden lin-nies sabiex iressqu l-fehmiet tagħhom dwar din il-proposta. 

Sadanittant, fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) qalet li tappoġġja l-proposta tal-Ministru Camilleri, “li tirrifletti rakkomandazzjoni li ilha ssir mill-Assoċjazzjoni biex tissaħħaħ l-infurzar, jiġi protett il-benesseri tal-komunità u tiġi salvagwardjata r-reputazzjoni ta’ Malta.”

L-Assoċjazzjoni qalet li Malta hi pajjiż li tilqa’, iżda r-rispett għal-liġijiet u r-residenti tagħha mhuwiex negozjabbli. “Multi immedjati se jservu bħala deterrent ċar u jgħinu biex tinżamm l-ordni u anke l-istandards.” 

L-MHRA temmet tgħid li tibqa’ impenjata li taħdem mal-Gvern biex tiżgura implimentazzjoni effettiva u ġusta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport