Applikazzjoni għall-bini ta’ għaxar vilel f’art li hi klassifikata bħala ‘barra mill-iżvilupp’ (ODZ), ħolqot tħassib f’għadd ta’ residenti li joqogħdu fl-inħawi. Ir-residenti qegħdin jibbażaw l-oġġezzjonijiet tagħhom fuq il-fatt li din iż-żona li fuqha iridu jibnu l-vilel, hi waħda mill-ftit spazji miftuħin li fadal fuq l-għolja tax-Xemxija. Il-Kunsill Lokali, jidher li se jkun qiegħed joġġezzjona minħabba li l-binjiet se jsiru fuq art li hi barra ż-żona tal-iżvilupp.
Residenti li tkellmu ma’ IT-TORĊA qalulna li “dan l-iżvilupp irid li f’din l-art li hi barra ż-żona tal-iżvilupp jinbnew għaxar vilel. Ma’ dan se jkun hemm bżonn li l-art tkun eskavata biex taħt l-iżvilupp isiru l-garaxxijiet. Hu propost ukoll li jsiru għadd ta’ pixxini.
Irridu ngħidu li dan l-iżvilupp se jsiru fuq art li sa issa għadha spazju miftuħ. Tinsab ukoll faċċata ta’ sit li fuqhu hemm propost li jinbnew għadd ta’ appartamenti u garaxxijiet. Iż-żona fejn hu propost li jinbnew hi aċċessibbli biss minn trejqa dejqa.
Din it-trejqa hi importanti għax tagħti l-aċċess għal żoni fuq l-għolja tax-Xemxija. Jekk dan l-iżvilupp se jingħata l-permess se jkun qiegħed joħloq inkonvenjenzi kbar”, tennew ir-residenti.
Resident ieħor qalilna li “nistgħu ngħidu li tkellimna mal-kunsill lokali u dan se jkun qiegħed jagħmel ir-rappreżentazzjoni tiegħu”.