Saturday, November 23, 2024

Proposta biex tal-Merċa jingħaqdu u jimpurtaw ma ssibx appoġġ mill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-sitwazzjoni li għandna f’pajjiżna fejn jidħlu l-prezzijiet tal-ikel, qiegħed twassal għal tħassib u inċertezza, mhux biss fost il-konsumaturi imma anke fost in-negozji żgħar magħrufa l-aktar bħala il-ħwienet tal-merċa. Il-konsumaturi spiss jippontaw swaba lejn dawn il-ħwienet kif qegħdin jaraw żieda fil-prezzijiet ta’ prodotti tal-ikel. Minn naħa tagħhom dawn in-negozji qegħdin jiddikjaraw b’mod ċar li ż-żidiet ġejjin mill-importaturi u mid-distributuri. Proposta li tħejjiet fl-aħħar ġimgħat u li kellha twassal biex ħwienet tal-merċa f’Malta jingħaqdu u huma stess jibdew iġibu prodotti li qed jinġabu f’Malta minn importaturi kbar, għalkemm fil-bidu deher li se ssib l-appoġġ, ġara li imbagħad jidher il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji f’laqgħa li saret ħarġet kontra din il-proposta.

Sa issa mhux ċar għaliex il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji ħarġet kontra din il-proposta, liema proposta l-għan tagħha hu dak li tinħoloq aktar kompetizzjoni bit-tama li l-prezzijiet jonqsu u minn dan igawdu l-konsumaturi u l-ekonomija.

Mhux magħruf lanqas issa x’se jiġri minn din il-proposta, li warajha sar ammont ta’ xogħol. Li hu żgur hu li l-ħwienet iż-żgħar illum qegħdin iħossu li l-bejgħ qiegħed jonqsilhom ftit waqt li jridu jiffaċċjaw tgergir kontinwu tan-nies.

“Nista’ nurhilek il-lista tal-prezzijiet. Dejjem tinbidel. Għandek prodotti li qegħdin jogħlew kontinwament kull tant żmien. Dan meta nafu li barra pajjiżna hemm prezzijiet ta’ prodotti li huma ferm u ferm irħas minn tagħna. Nifhem li għandna l-ispiża biex inġibu l-prodotti hawn. Nifhem li jista’ jkunu xi ftit aktar għoljin. Imma id-differenza fil-prezz ta’ prodotti tal-ikel bejn pajjiżi ġirien tagħna u aħna, hi qawwija u turi li hemm xi ħaġa li mhix taħdem sew. Jiġuni nies hawn u jgħiduli tant il-prodott taf kemm hu irħas minn Sqallija. Jistaqsuni għaliex. Qishom jibdew jippuntaw lejja. Spiċċajt lil wieħed qbadt u urejtu kemm qed nixtrihom jien u urejtu li l-qliegħ tiegħi fuqu hu wieħed żgħir ħafna”, qalilna sid ta’ ħanut li tkellem ma’ IT-TORĊA.

Diversi ħwienet tkellmu dwar il-kummerċ parallel u waqt li għandhom dan id-dritt, tkellmu dwar kemm hi diffiċli li jimpurtaw ċertu prodotti huma stess, għax dan jista’ jwassal biex jitilfu xogħol ieħor li jinġab minn importaturi li jkunu qed iġibu ix-xogħol li huma ippjanaw li jibdew jimpurtaw minn barra.

Fl-aħħar jiem il-kwistjoni taż-żidiet fil-prezzijiet, tkellem u ħa azzjoni fuqha id-Deputat Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba. Hu ddikjara li “ħadt azzjoni fuq il-problema taż-żidiet fil-prezzijiet tal-ikel, fejn minn ġimgħa għall-oħra il-konsumaturi qegħdin jibqgħu jesperjenzaw żidiet. Il-ħwienet iż-żgħar qegħdin jilmentaw minn dawn iż-żidiet u li huma qegħdin jispiċċaw jiffaċċjaw l-konsumaturi. Suppost għandna suq uniku Ewropew. Suppost iwassal għal aktar kompetizzjoni, prezzijiet irħas u liberta fost importaturi u distributuri biex ipoġġu l-istess prodotti fis-suq u jikkompetu fil-prezzijiet. Imma s-suq Ewropej qiegħed jaħdem f’Malta? F’pajjiżna għandna ftit distributuri li għandhom mijiet ta’ prodotti. Dan qiegħed iwassal għal sitwazzjoni ta’ monopolji, sitwazzjoni ta’ ebda kontroll fil-prezzijiet.”

Jiddikjara li “ktibt lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola van der Leyen u lil żewġ kummissarji biex nitlob investigazzjoni urġenti dwar kif qiegħed jaħdem is-suq intern f’pajjiżna. Dan biex naraw hemmx monopolji, jiġifieri kontroll tas-suq minn äftit kumpaniji. Ma nixtieqx li dik iż-żieda li se tingħata fil-baġit terġa’ tmur għand id-distributuri u l-importaturi imma tibqa’ fil-but tan-nies. Irridu naraw li jekk il-prinċipju tas-suq intern f’pajjiżna hux jiġi rispettat. Nemmen li jekk dan mhux jiġi rispettat il-Kummissjoni Ewropea għandha tirregola.”

Kompla jgħid li “l-Kamra tan-Negozji Żgħar (Chamber of SME’s), suppost qiegħda tirrappreżenta in-negozji ż-żgħar. Il-ħwienet iż-żgħar tkellimt magħhom u dawn xi drabi qed jingħataw it-tort għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-ikel. L-azzjoni li ħadt, hi mmirata għall-konsumaturi, hi immirata ukoll għal dawn il-ħwienet ta’ daqs żgħir u medju u li suppost huma rappreżentati mill-Kamra tan-Negożji Żgħar. Ma jistax ikun li l-konsumaturi tagħna jibqgħu jerfgħu dawn iż-żidiet eżorbitanti u li ħafna drabi huma bla ebda kontroll u li qed jitfgħu l-piż fuq min jiflaħ l-anqas. L-investigazzjoni li tlabt mhix fuq il-ħwienet iż-żgħar imma fuq il-ftit importaturi u distributuri li għandhom monopolu fis-suq, li għandhom ċertu daqs u minħabba dań id-daqs mhux iħallu is-suq jaħdem sew. Il-Kamra qalet li ilha tieħu azzjoni biex tikkontrolla is-sitwazzjoni. Ħassjetuha din l-azzjoni? Ħassejtu kontroll?”, sostna Alex Agius Saliba.

Sorsi li tkellmu ma’ IT-TORĊA sostnew li fl-aħħar jiem kien hemm hemm żewġ proposti mill-GWU li l-għan tagħhom kien li jgħinu lil importaturi żgħar biex ikollhom aktar likwidità u jordna aktar. Kien hemm proposta li dawn jingħataw ‘soft loans’ u dan biex jimpurtaw bil-‘bulk’ u għal aktar tul ta’ jiem. Dan għandu jwassal biex b’hekk jiġu stabbilizzati il-prezzijiet. Il-proposta tgħid li la darba jkun hemm ftehim u dawn jiġu mgħejjuna il-prezz ma jiċċaqlaqx. Mhux hekk biss imma l-prezzijiet jiġu ppubblikati fuq websajt biex b’hekk il-pubbliku inġenerali jkun jaf kemm hu l-prezz u jkun jista’ jagħmel l-aħjar għażliet għalih. Ta’ min jgħid li t-trasparenza fil-prezzijiet tgħin għax iġġib aktar kompetizzjoni.

Sorsi li tkellmet magħhom IT-TORĊA, infurmaw li l-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji ħarġet kontra din il-proposta. Dan iwassal biex tqum il-mistoqsija għaliex il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji ħarġet kontra din il-proposta meta din hi proposta favur il-ħwienet iż-żgħar. Mistoqsija li ma tistax ma ssirx hi dik ta’ bl-oġġezzjonijiet tagħha l-Kamra tan-Negożji Żgħar lil min qed tipproteġi?.

Sport