Wednesday, January 29, 2025

Proposta għat-twaqqif ta’ grupp ta’ Speakers tal-Mediterran dwar l-immigrazzjoni

Aqra wkoll

Il-Parlament Spanjol ospita laqgħa f’Lanzarote li ġabet flimkien għadd ta’ Speakers tal-Parlamenti fir-reġjun tal-Mediterran fejn kienet diskussa s-sitwazzjoni migratorja f’dan ir-reġjun minn perspettiva komprensiva.

Fl-intervent tiegħu, l-Ispeaker Anġlu Farrugia, filwaqt li stqarr li waħda mill-kawżi tal-migrazzjoni irregolari u l-ispostament tal-persuni huma kunflitti bħal dawk f’Gaża, enfasizza li l-waqfien mill-ġlied attwali fir-reġjun għandu jissarraf f’paċi dejjiema fil-Lvant Nofsani. Semma kif dan l-iżvilupp se jġib stabbiltà fir-reġjun flimkien ma’ stil ta’ ħajja aktar normali għan-nies. 

L-Ispeaker Farrugia rrikonoxxa wkoll li l-immaniġġjar tal-immigrazzjoni huwa “diffiċli u sensittiv” peress li fin-nofs hemm il-ħajja tal-bnedmin. Filwaqt li qal li l-għajnuna finanzjarja tista’ tgħin, b’danakollu, mhijiex biżżejjed għaliex qsim bid-dgħajjes huwa perikoluż u li xi kultant iwassal għall-imwiet tan-nies. 

Dr Farrugia qal ukoll li d-diplomazija parlamentari tista’ tgħin biex jitjiebu s-sitwazzjonijiet u realtajiet diffiċli bħas-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni. F’dan il-kuntest huwa ressaq proposta biex ikun hemm Grupp ta’ Speakers minn Parlamenti differenti tal-Mediterran biex iservi bħala pjattaforma ta’ djalogu, kollaborazzjoni u l-iskambju ta’ ideat fost il-mexxejja leġiżlattivi fir-reġjun. Saħaq li grupp bħal dan ikun kumplimentari għax-xogħol tal-Unjoni għall-Mediterran u l-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran. 

Fi tmiem il-laqgħa, l-Ispeakers preżenti adottaw Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament dwar in-Nofsinhar li titratta l-indirizzar tal-influssi migratorji fir-reġjun. Matul il-jum tat-Tlieta, huma żaru wkoll iċ-Ċentru ta’ akkoljenza u riferiment għall-migrazzjoni ta’ emerġenza ta’ Montana Mina. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport