Friday, December 20, 2024

“Proposta li se tgħin lil dawk li għadhom jibżgħu mil-loan biex jinqalgħu mill-kirjiet”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Jittama li l-iskop tal-proposta ta’ €10,000 lill-first time buyers ma jintilifx f’żieda fil-prezzijiet

Wieħed mis-setturi affettwati mill-imxija tal-Covid-19 kien dak tal-proprjetà; il-bejgħ u l-kiri tal-proprjetajiet madwar Malta u Għawdex. X’aktarx li l-akbar tisbita għas-settur kien dak il-perjodu qasir li pajjiżna kien f’għeluq totali. Dak kien żmien li fih għadd ta’ ħaddiema barranin jew beżgħu mill-firxa u marru lura lejn pajjiżhom jew saħansitra ġew imsejħa jirritornaw minħabba għeluq ta’ fruntieri għal numru ta’ ġimgħat.

Biex jindirizza parti mill-isfidi li kellu jaffaċċja dan is-settur, il-gvern bħala parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni naqqas it-taxxa tal-boll għal proprjetajiet li ma jaqbżux l-€500,000. Wara suċċess qawwi li kellha din il-miżura, il-Prim Ministru Robert Abela f’Ġunju li għadda kien ħabbar l-estensjoni tagħha għal min għamel konvenju sal-aħħar tas-sena li għaddiet u kuntratt finali sa Ġunju li ġej.

Intant biex ikompli jgħin lill-familji, il-Prim Ministru Robert Abela fl-ewwel sett ta’ proposti ma naqasx milli jkompli jindirizza r-realtà fil-bejgħ. Għaldaqstant huwa ħabbar li waħda mill-proposti tiegħu se tkun li l-gvern iħallas €1,000 mil-loan kull sena għal għaxar snin lil dawk li jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom. Dan ifisser li f’għaxar snin dawk li jixtru l-ewwel propjetà se jkunu qegħdin jingħataw €10,000.

Dan il-ġurnal tkellem aktar fid-dettall dwar dan mal-aġent tal-bejgħ u l-kiri tal-proprjetà Clinton Camilleri li ddeskriva l-għajnuna kontinwa mill-gvern bħala l-imbuttatura li kien hemm bżonn biex dan is-settur jerġa’ jibda jsib saqajh. Huwa qal ma’ Talk.mt li filwaqt li l-ewwel miżura mħabbra fil-pjan ta’ riġenerazzjoni kienet kruċjali biex jerġgħu jibdew isiru ċertu kuntratti, il-proposta mressqa fl-aħħar jiem se tkun l-imbuttatura li hemm bżonn biex aktar koppji jsiru sidien ta’ darhom. 

Camilleri spjega li €10,000 huma sbieħ u ovjament se ssib koppji li jagħmlu kuraġġ imorru aktar għall-għażla ta’ xiri milli jibqgħu fil-kera. Huwa qalilna li għad hawn ħafna nies li jibqgħu fil-kirja għax għadhom jibżgħu mil-loan. Barra minn hekk din l-għotja se tkun qiegħda tgħin ħafna individwi li sfortunatament ikunu bdew bis-separazzjoni u jsibuha diffiċli biex jixtru post kull wieħed biex jibdew ħajja ġdida. Dan ifisser li minkejja li l-proposta tindirizza aktar liż-żagħżagħ jemmen li se tkun l-għajnuna li hemm bżonn biex aktar individwi f’età aktar avvanzata li filwaqt li qatt ma kienu sidien ta’ darhom, issa jieħdu l-opportunità biex jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom.

“L-akbar problema li għad baqa’ hija dik li hemm ħafna nies jew individwi li ma jkollhomx l-10 fil-mija biex jieħdu self għax-xiri. L-għajnuna tal-gvern mħabbra fil-budget li jsellef l-10 fil-mija żiedet fil-bejgħ iżda huwa stat ta’ fatt li għad għandek ħafna li jmorru għall-kirja għax jibżgħu mil-loan”, kompla jgħid magħna Camilleri filwaqt li spjega li anke l-prezzijiet tal-bejgħ qabdu jogħlew minn wara l-pandemija. 

“Two bedroom finished fis-south trid madwar €185,000 jew €190,000 għalih. Ma tantx issib b’irħas. Dawn diġà huma prezzijiet għaljin. Jien niftakar madwar seba’ snin ilu kont bigħejt terraced house b’€240,000. Illum ma ssibhiex u trid mal-€500,000 għaliha ċertu proprjetà”, qalilna l-aġent. 

Tkellimna miegħu wkoll dwar il-prezzijiet tal-kirjiet u tal-bejgħ. Qalilna li kien hemm żmien diffiċli ferm fejn kollox kien wieqaf minħabba l-lockdown. Ħadna bħala mudell kirja medja ta’ proprjetà b’kamra tas-sodda waħda. L-aġent qalilna li qabel il-pandemija din kienet tinkera b’madwar €550 fix-xahar. Matul il-pandemija dawn il-kirjiet niżlu anke għal €400 minħabba li kien hawn aktar proprjetajiet battala u b’hekk kien hawn aktar varjetà fl-għażla. Fil-preżent hawn domanda kbira għall-kirjiet u l-prezzijiet reġgħu għolew u qegħdin f’pożizzjoni tajba daqskemm kienu qabel feġġew l-ewwel każi tal-pandemija.

Il-bejgħ kien l-aktar affettwat meta kkumparat mal-kirjiet u matul il-pandemija kienet ferm aktar diffiċli biex tbigħ proprjetà. Qalilna li l-effett għadu jinħass sal-lum b’sidien li jkollhom proprjetà għall-bejgħ iżda ma jkunux iridu jdaħħlu barranin fir-residenzi tagħhom minħabba ċertu biża’. Il-kirjiet kienet ħaġa, oħra għax is-sid ma jkunx qiegħed jgħix fil-post allura jkollu anqas diffikultà biex juri l-propjetà tiegħu. 

Camilleri qalilna li mill-bejgħ kollu jikkalkula li bħala medja dawk li jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom jaqbżu l-50 fil-mija u b’hekk jemmen li din l-għajnuna se tkun ħafna ta’ għajnuna u se terġà tagħti spinta lis-suq. Huwa temm jittama biss li din l-għajnuna ma jkollhiex effett f’ċertu żieda fit-talba tal-bejgħ għaliex f’dak il-każ, ix-xerrej se jkun qiegħed jispiċċa jitlef l-iskop ta’ din l-għajnuna li tikkonferma r-ruħ soċjali ta’ dan il-gvern.

Ekonomija

Sport