Is-Segretarju Kendrick Bondin dwar proposti li għamel il-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet ta’ Għawdex biex aktar ħaddiema Għawdxin jaħdmu bit-‘teleworking’
Miktub minn Claudio Coleiro
“Bħala Taqsima nemmnu li din hija proposta li se tressaqna aktar lejn il-futur fejn hemm bżonn flessibiltà fuq il-post tax-xogħol. Dan ma japplikax biss għall-ħaddiema Għawdxin imma wkoll għall-ħaddiema Maltin kollha fejn id-dmirijiet tax-xogħol ikunu jippermettu.”
Hekk stqarr is-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin meta mitlub minn dan il-ġurnal jikkummenta dwar il-proposta mressqa mill-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet ta’ Għawdex biex aktar ħaddiema Għawdxin jaħdmu bit-‘teleworking’.
F’rapport li tħejja minn dan il-Kumitat dwar l-impatt li ħalliet il-pandemija tal-Covid-19 fuq Għawdex u t-triq ‘il quddiem, ġie propost li fejn hu possibbli, ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta jkollhom l-opportunità li ġurnata jew tnejn fil-ġimgħa jkunu jistgħu jaħdmu mid-dar permezz tat-‘teleworking’.
L-istess Kumitat issuġġerixxa li din l-opportunità għandha tapplika kemm għal dawk il-ħaddiema li jaħdmu fis-settur pubbliku kif ukoll dawk mal-privat, b’dan li negozji fis-settur privat ikollhom ukoll inċentivi fiskali biex ħaddiema Għawdxin ikunu jistgħu jagħmlu dan.
Fil-kummenti tiegħu lil L-ORIZZONT, is-Segretarju Bondin irrikonoxxa li llum il-ġurnata minħabba l-impenji tal-ħajja u x-xogħol, it-teleworking huwa mezz ta’ kif jinħoloq bilanċ bejn it-tnejn.
Huwa semma kif f’ċertu xogħlijiet li jirrikjedu ammont ta’ konċentrazzjoni, ħaddiem li jkun qiegħed jaħdem mid-dar ikun jista’ jtella aktar produttività. Dan minħabba li se jkollu inqas interruzzjonijiet li jista’ jkollu fl-uffiċċju.
“Apparti minn hekk, tassew nemmen illi li tagħmel ħamest ijiem l-uffiċċju jew ħamest ijiem taħdem mid-dar, ma jkun ta’ benefiċċju għal ħadd fit-tul. Importanti li jkun hemm bilanċ bejn telework u li wieħed jattendi l-uffiċċju biex kemm id-dmirijiet kif ukoll l-aspett soċjali jiġu rispettati waqt il-ħinijiet tax-xogħol,” qal is-Segretarju Bondin. “Marbut ma’ dan hemm ukoll l-aspett mentali fejn persuna li taħdem mid-dar tista’ tispiċċa f’solitudni.”
Fl-aħħar nett, Bondin semma li permezz tat-teleworking inkunu qed ngħinu wkoll l-ambjent billi jonqos it-traffiku u t-tniġġis fl-arja. Dan speċjalment fid-dawl li Malta għandha l-prijorità li tnaqqas l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju skont id-direttivi Ewropej.