It-tneħħija ta’ Malta mil-Lista l-Griża tal-FATF, ma naqsitx li tqajjem interess u mistoqsijiet fost i-poplu tagħna. Il-mistoqsijiet li qegħdin jagħmlu għadd ta’ konsumaturi hi dik ta’ kif din it-tneħħija se taffettwa lilhom b’mod partikolari fejn jidħlu restrizzjonijiet jew rekwiżiti ta’ ħlasijiet lejn jew minn Malta minn xi banek internazzjonali, liema restrizzjonijiet kienu qed jesperjenzawhom l-istess konsumaturi. Hu fatt li mindu pajjiżna daħal fil-Lista l-Griża ir-restrizzjonijiet żdiedu. Il-banek lokali daħħlu standards regolartorji ferm u ferm aktar stretti fejn dan ma setax jonqos li affettwa l-konsumaturi. Talk.mt staqsiet dwar jekk it-tneħħija minn fuq il-Lista l-Griża hix se twassal biex jibdew jiġu mneħħija ċerti restrizzjonijiet. Il-Kap Eżekuttiv tal-BOV, Rick Hunkin, iddikjara ma’ dan is-sit li “hemm il-prospett li xi banek internazzjonali jistgħu jibdew inaqqsu r-restrizzjonijiet jew ir-rekwiżiti dwar il-ħlasijiet lejn jew minn Malta, iżda dan jista’ jieħu ż-żmien”. Hu ddikjara li “t-tneħħija mil-lista il-griża m’għandhiex titqies bħala opportunità biex nillaxkaw l-istandards regolatorji.”
Lill-Kap Eżekuttiv staqsejnieh dwar kif il-BOV qiegħed iħares lejn il-fatt li Malta se tinħareġ minn fuq il-Lista l-Griża tal-FATF u kif dan se jaffettwa l-operat tal-bank.
Il-Kap Eżekuttiv qailna li “l-BOV huwa sodisfatt bl-aħbar li Malta se titneħħa mill-Greylist. Dan jirrifletti l-isforzi konsiderevoli li saru f’bosta oqsma u huwa riflessjoni ta’ ambjent li jista’ jipprovdi kumdità lin-negozji internazzjonali li jridu jagħmlu negozju ma’ pajjiżna. F’termini tal-operat tal-banek ma nistennewx impatt dirett sinifikanti, għalkemm nistgħu naraw xi rilassament żgħir tar-rekwiżiti tal-informazzjoni tal-banek internazzjonali meta jkunu qed isiru l-ħlasijiet. L-iżvilupp ewlieni huwa li t-tneħħija tal-greylisting naqqset ir-riskju ta’ aktar effetti potenzjalment sinifikanti matul iż-żmien.”
Mistoqsi dwar kif il-ħruġ ta’ Malta mil-lista griża se jaffettwa lill-klijenti tal-BOV u l-konsumaturi b’mod inġenerali, il-Kap Eżekuttiv iddikjara li “m’għandux ikun hemm impatt materjali fuq il-klijenti tal-BOV. Hemm il-prospett li xi banek internazzjonali jistgħu jibdew inaqqsu r-restrizzjonijiet jew ir-rekwiżiti dwar il-ħlasijiet lejn jew minn Malta, iżda dan jista’ jieħu ż-żmien: il-ħtieġa ewlenija għall-klijenti li jipprovdu informazzjoni f’waqtha biex isostnu t-talbiet se tibqa’”.
Staqsejnieh dwar kif il-proċeduri bankarji kienu saru ferm u ferm aktar restrittivi, għallinqas hekk kienu qed iħossu l-konsumaturi. Staqsejnieh x’effett jista’ jkun hemm fuq dawn il-miżuri restrittiri, la darba malta se tinħareġ mil-lista l-griża.
Il-Kap Eżekuttiv tal-BOV qalilna li “r-regolamenti dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, l-għarfien dwar il-klijenti u l-pagamenti internazzjonali ilhom fis-seħħ għal xi żmien u ġew dejjem aktar raffinati. Il-Bank għandu l-obbligu li jikkonforma ma’ dawn bis-sħiħ. Għall-maġġoranza tal-klijenti fejn ir-riskji huma baxxi, ir-restrizzjonijiet huma ftit u limitati. Madankollu, għal sitwazzjonijiet aktar kumplessi, jibqa’ importanti l-obbligu tal-klijenti li jipprovdu informazzjoni f’waqtha lill-Bank biex inkunu nistgħu nkunu konformi mar-rekwiżiti. Hekk kif niżviluppaw u nirfinaw il-proċeduri tagħna se nfittxu li nissimplifikaw kull fejn ikun possibbli, iżda t-tneħħija mil-lista il-griża m’għandhiex titqies bħala opportunità biex nillaxkaw l-istandards regolatorji.”