Wednesday, December 25, 2024

PROSPETTI KBAR GĦAS-SETTUR TURISTIKU

Aqra wkoll

It-turiżmu kif kien minn dejjjem huwa pilastru ewlieni tal-ekonomija Maltija. Minnu jdaħħal miljuni ta’ flus barranin maħluq mill-infiq li jħallu t-turisti f’pajjiżna f’diversi setturi. In-numri li qed jiġu rreġistrati jirriflettu wkoll li pajjiżna miexi fit-triq it-tajba biex jattira turiżmu mħallat.

Dawn iċ-ċifri li qed nilħqu fit-turiżmu jirrikjedu li l-infrastruttura tkun tajba biżżejjed biex ma toħloqx kontroversji. Irridu naħsbu wkoll biex it-turiżmu ta’ kwalità nkomplu nkabbruh u nsaħħuh.

Jidher mill-indikazzjonijiet li t-turiżmu għas-sajf li ġej se jerġa’ jkun wieħed rekord, u dan huwa rifless kemm fil-bookings tal-ajru u anke fl-istabbilimenti tal-ospitalità. Dan kollu jindika li se jkollna sajf ieħor b’saħħtu fejn jidħol it-turiżmu u dan minkejja l-isfidi kollha li hemm fuq livell internazzjonali.

Dawn l-indikazzjonijiet pożittivi ferm se jkomplu jibnu fuq ir-riżultati miksuba għall-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena. Tant hu hekk li l-ewwel kwart tal-2023, kien l-ewwel l-aqwa kwart fl-istorja tat-turiżmu ta’ pajjiżna. Dan juri li l-irkupru ta’ Malta f’dan is-settur kien wieħed qawwi u jawgura tajjeb issa li ninsab fuq l-għatba tal-istaġun tas-sajf.

Naturalment, wara dawn ir-riżultati, hemm ukoll il-ħidma sfiqa ta’ diversi entitajiet li jagħmlu minn kollox biex jirreklamaw lil pajjiżna bl-aħjar mod barra minn xtutna. Fuq quddiem nett hemm l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, li qed tiffoka l-ħidma tagħha mhux biss biex ikunu attirati turisti mill-Ewropa imma anke lil hinn.

B’sodisfazzjon ninnotaw li l-Gvern qed jaħdem ma’ kumpanija internazzjonali tal-cruiseliners, li qed jagħżlu proprju lil Malta għall-home-porting tagħhom. Fil-fatt għaddejjin diskussjonijiet għal charter flights mill-Amerika għal Malta biex jinġiebu turisti Amerikani li mbagħad jaqbdu l-cruiseliner minn hawn.

Quddiem dan kollu, jeħtieġ li l-kwalità fis-servizz tibqa’ tingħata prijorità. Dan qed narawh iseħħ anke permezz ta’ investimenti diversi li qed isarrfu f’esperjenza aħjar mhux biss għat-turisti li jiġu jżuruna, imma wkoll għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Għalhekk, filwaqt li l-ħtieġa li nkomplu naġġornaw il-prodott turistiku tagħna tibqa’ hemm, u dan sabiex is-settur ikun jista’ jilqa’ għall-isfidi preżenti u dawk futuri, nemmnu li hemm prospetti sbieħ fit-turiżmu għax-xhur li ġejjin u jekk kulħadd jibqa’ jiġbed l-istess ħabel, tassew nistgħu niksbu aktar mar-riżultati sodisfaċenti diġà miksuba.

Ekonomija

Sport