Wednesday, December 17, 2025

PROSPETTI LI L-2026 TKUN AĦJAR MINN TA’ QABILHA

Aqra wkoll

Fi ftit ġimgħat oħra se nkunu qed niċċelebraw il-bidu ta’ sena ġdida. Sena li ħafna jkunu dawk li jittamaw li tkun aħjar minn ta’ qabilha u oħrajn li jesprimu ottimiżmu għal dak li se jkun qed jiġri fix-xhur li ġejjin. Huwa tajjeb li filwaqt li nesprimu x’nixtiequ fis-sena li ġejja, nirriflettu wkoll fuq dak li għaddejna minnu matul din is-sena li waslet biex tintemm. 

Bla dubju, l-2025 kienet sena oħra karatterizzata minn bosta ġrajjiet, mhux biss fix-xena lokali imma wkoll fix-xena internazzjonali. Fuq kollox, għal pajjiżna, din kienet sena oħra ta’ suċċessi, u dan hekk kif Malta għandha l-inqas rata ta’ nies bla xogħol fl-Unjoni Ewropea. Kuntrarju għal dak li kien fl-2012, meta Malta kienet it-tieni l-agħar pajjiż għall-ħolqien tal-impjiegi. 

Filwaqt li ħaddieħor jgħajjat biċ-cheap labour u l-isfruttament tal-ħaddiema, jirriżulta li fl-aħħar snin tmienja minn kull għaxra tal-impjiegi kienu f’karrieri maniġerjali, professjonali u tekniċi. Il-paga bażika wkoll f’dan il-perjodu żdiedet b’€10,000. 

Min-naħa l-oħra, aġenziji ta’ kreditu rinomati internazzjonali, fosthom Standard and Poor’s, qed jagħtu l-aqwa rating lil Malta, għax jemmnu li l-ekonomija nazzjonali se tibqa’ fost l-aqwa ekonomiji, jekk mhux l-aqwa, fl-Ewropa. Fil-fatt, iċ-ċifri juru li l-ekonomija Maltija kibret bi tmien darbiet ir-rata ta’ tkabbir fl-Italja u b’10 darbiet ir-rata ta’ espansjoni tal-Ġrmanja. 

Matul din is-sena stess rajna kif filwaqt li pajjiżi oħra għadhom jissikkaw b’miżuri ta’ awsterita, f’pajjiżna mhux awsterita qed naraw imma tnaqqis ta’ taxxi u żieda fil-benfiċċji soċjali. Dan kollu flimkien ma għajnuniet oħra li għadhom jingħataw bħalma huma s-sussidji fuq il-kontijiet tal-elettriku u l-prezzijiet tal-fjuwil.

Minkejja d-diffikultajiet u l-isfidi kollha, komplew jiżdiedu wkoll l-investimenti f’bosta setturi kruċjali bħal qasam tas-saħħa pubblika, l-edukazzjoni, l-ambjent, l-isfrastruttura u t-toroq.

Però mnn dak li jingħad, il-Gvern mhux bi ħsiebu jieqaf hemm. Il-Budget li tressaq ftit tal-ġimgħat ilu se jkun qiegħed jagħmel differenza f’ħajjet in-nies fix-xhur li ġejjin. Fuq quddiem nett il-qasam soċjali fejn l-investiment li qed isir huwa bla preċedent u jibqa jiżdied minn sena għall-oħra.

Dan kollu jirrifletti s-saħħa ekonomika tar-rotta li qabad pajjiżna. Huwa wkoll awgurju li ż-żmien li ġej se jkun ħafna aħjar minn dak li għaddejna minnu. Il-Viżjoni Malta 2050 se tkun il-kejl ta’ dan kolu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport