Sunday, November 24, 2024

PROSPETTI SBIEĦ GĦAS-SETTUR TURISTIKU

Aqra wkoll

Is-sena 2023 kienet waħda ta’ suċċess minn diversi aspetti fejn inkisbu riżultati notevoli f’diversi setturi, mhux b’inqas fit-turiżmu li huwa pilastru ewliieni tal-ekonomija ta’ pajjiżna. Dan għaliex mhux biss iħaddem eluf ta’ persuni fis-settur tal-ospitalità iżda wkoll sors ta’ dħul ta’ flus barranin f’pajjiżna.  

Wieħed ma jistax ma jsemmix kif f’ċirkostanzi differenti, fosthom fi żmien il-pandemija, id-dħul minn din l-industrija naqas sew minħabba li kienu naqsu t-turisti. B’xorti tajba, wara li għaddiet il-pandemija, rajna irkupru b’saħħtu f’dan is-settur, xahar wara l-ieħor.

B’sodisfazzjon ninnutaw kif is-sena li għaddiet se tkun waħda storika għat-turiżmu f’pajjiżna hekk kif sa tmiem is-sena, il-gżejjer Maltin esperjezaw il-wasla ta’ ftit inqas minn tliet miljun turist. L-istess ċifri jaqbżu l-aħħar sena rekord lura għall-2019. Apparti r-rekord minn aspett ta’ wasliet, in-nefqa turistika f’pajjiżna se jkun laħħaq it-€2.8 biljun fl-ekonomija Maltija.

Għalhekk ma nisgħux ma nfaħħrux l-inizjattivi tal-Gvern biex dan is-settur mhux biss żamm lill-ħaddiema, imma anke sabiex jiġu msaħħa l-konnettività u r-rotot lejn pajjiżna. Huwa għalhekk li b’wiċċna minn quddiem nistgħu ngħidu li s-sena 2023 kienet waħda ta’ suċċess anke f’dan il-qasam. 

Madanakollu, ma għandniex biss inserrħu fuq dawn is-suċċessi li ksibna matul iż-żmien f’dan is-settur, iżda għandna bħal ma għamilna fil-passat, għandna nkomplu nibnu fuq dak li sar biex is-settur ikompli jikber. 

F’dan il-kuntest ukoll, jeħtieġ li l-ħidma tkompli biex pajjiżna jsir iktar nadif u ospitabbli. Dan mhux biss għat-turisti li ta’ kull sena jżuru pajjiżna imma wkoll biex il-Maltin jgħixu f’pajjiż dejjem aħjar u sigur.

Il-passat huwa mera tal-futur u għalhekk aħna fiduċjużi li kemm l-Awtorità tat-Turiżmu kif ukoll il-Gvern, flimkien ma’ diversi operaturi, se jkomplu jkunu katalisti biex is-settur turistiku f’pajjiżna jkompli jikber u jiffjorixxi.

Nemmnu li dawn ir-riżultati se jkomplu anke matul din is-sena, li fiha se tibda topera wkoll il-linja nazzjonali tal-ajru l-ġdida – KM Malta Airlines – li se tieħu post l-Air Malta mill-aħħar ta’ Marzu li ġej. 

Sport