Wieħed mill-fatturi li jkejjel kemm l-ekonomija nazzjonali hix sejra tajjeb jew le huwa s-settur tal-impjiegi. Dan is-settur huwa ekonomikament sinifikanti għax jikkontribixxi għad-dħul tal-gvern f’dawk li huma taxxi u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, kif ukoll għall-konsum għax in-nies jonfqu skont kemm ikollhom dieħel mill-impjieg tagħhom.
F’dawn l-aħħar xhur, rajna f’pajjiżna tendenza konsistenti fejn l-għadd ta’ nies li mgħandhomx impjieg qiegħed dejjem jinżel l-isfel tant hu hekk li storikament qatt ma kien baxx daqskemm huwa llum.
Id-dejta amministrattiva pprovduta minn Jobsplus turi li, fuq perjodu ta’ sena sa April 2022, il-forza tax-xogħol, esklużi l-part-timers, żdiedet b’4.7 fil-mija u laħqet il-250,127.
Skont l-istess dejta, dan kien attribwit prinċipalment għal żieda 12,403 sena fuq sena fl-impjiegi reġistrati full-time u fl-istess ħin tnaqqis ta’ 1,285 fil-qgħad reġistrat. Dan ifisser li l-impjiegi żdiedu medja ta’ aktar minn 1,000 impjieg kull xahar. L-impjiegi full-time l-iktar li kienu fis-settur privat li żdiedu bi 12,236 persuna.
Dawn iċ-ċifri ta’ kif u kemm qed jiżdiedu l-impjiegi jikkonfermaw il-klima ta’ fiduċja fl-ekonomija li hawn f’pajjiżna li qed twassal għal iktar investiment lokali u barrani. Din iż-żieda fl-impjiegi qed tintlaħaq minkejja l-isfidi attwali li ġabu magħhom il-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna.
Hija wkoll riflessjoni ta’ kemm hi għaqlija l-politika tal-Gvern preżenti li minkejja l-isfidi finanzjarji għadu jgħin u jinċentiva lin-negozji biex jinvestu u jikbru aktar.
Minn dak li ħabbar il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana dwar il-budget għas-sena d-dieħla mhux se jkun hemm piż ta’ taxxi li jitpoġġew fuq in-negozji. Dan ifisser illi n-negozji se jkollhom serħan il-moħħ li mhux biss mhumiex se jerfgħu piżijiet ġodda imma minnu nnifsu dak li qal il-Ministru huwa inċentiv biex in-negozji jżidu l-impjiegi tagħhom.
Dan se jsir anke meta jiġi kkunsidrat il-fatt li l-Gvern qed jissussidja bil-kbir il-prezzijiet tal-enerġija kemm għall-familji u anke għan-negozji. Għalhekk nittamaw li r-ritmu li qabad is-settur tal-impjiegi jkompli anke fil-ġejjieni qarib. B’hekk tkompli tissaħħaħ l-ekonomija u tiġġenera aktar ġid li minnu jibbenefikaw il-familji u n-negozji nfushom.