Il-kontinent Ewropew għaddej minn inkwiet politiku li ilu snin ma jidher bħalu. Fi ħdanu bħalissa hemm gwerra, dik bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Hemm ukoll protesti u dimostrazzjonijiet popolari qawwija f’diversi stati oħra fosthom azzjonijiet industrijali fi Franza u l-Ingilterra.
Issa feġġet dimostrazzjoni oħra fil-Polonja b’mijiet ta’ eluf ta’ dimostranti jinġabru f’Varsavja għal wieħed mill-akbar dimostrazzjonijiet fil-Polonja mill-waqgħa tal-komuniżmu fl-1989.
Il-biċċa l-kbira tal-partiti tal-oppożizzjoni talbu lill-partitarji tagħhom biex jingħaqdu mal-mixja kontra l-Partit Nazzjonalista Liġi u Ġustizzja (PiS) immexxi minn Jaroslaw Kaczynski.
Fost dawk li attendew kien hemm l-Eks President tal-Kunsill Ewropew u Eks Prim Ministru Donald Tusk, u l-Eks President Lech Walesa. Il-PiS ikkundanna l-protesta bħala marċ ta’ mibegħda.
Estimu tal-uffiċċju tas-Sindku ta’ Varsavja stmat li attendew man-nofs miljun ruħ għall-avveniment li inzerta fl-34 anniversarju tal-ewwel elezzjonijiet parzjalment ħielsa fil-Polonja. Ħafna vvjaġġaw minn madwar il-pajjiż biex jieħdu sehem, u saru dimostrazzjonijiet simultanji fi bliet Pollakki oħra bħal Krakovja.
Varjetà wiesgħa ta’ kwistjonijiet ġabru l-protesti flimkien, inklużi frustrazzjonijiet dwar l-inflazzjoni, l-għoli tal-ħajja, u d-drittijiet għan-nisa u l-LGBT. Tqanqal ukoll tħassib dwar liġi ġdida li ġiet deskritta bħalha waħda li ddgħajjef id-demokrazija fil-Polonja. Il-liġi, li ġiet ikkritikata bil-qawwi mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti, hija intenzjonata li twaqqaf kummissjoni biex tinvestiga l-influwenza Russa fil-politika Pollakka, u għandha s-setgħa li tipprojbixxi lin-nies milli jassumi kariga pubblika għal 10 snin.
Il-gvern ċaħad li qed iħassar id-demokrazija u l-President Andrzej Duda ppropona emendi biex jitneħħew dawn is-setgħat. Iżda l-kritiċi jgħidu li xorta tista’ tintuża kontra n-nies, inkluż kontra Donald Tusk – il-Kap ewlieni tal-Oppożizzjoni tal-Polonja u l-Kap tal-partit Ċentrist tal-Pjattaforma Ċivika (PO).
Filmati tal-protesta juru folol ta’ nies ixejru bnadar Pollakki u tal-UE u kartelluni f’idejhom filwaqt li d-dimostranti kantaw “demokrazija” u “se nirbħu”. Wieħed mid-dimostranti qal li attenda biex jiddefendi d-demokrazija għax ma felaħx aktar jara kif il-parlament u t-tribunal kostituzzjonali qed jinqerdu u li l-Unjoni Ewropea qed tiġi mwarrba.
Donald Tusk, Eks Kap tal-Kunsill Ewropew, qal lill-partitarji li d-demokrazija tmut fis-silenzju imma ladarba l-poplu għolla leħnu għad-demokrazija, is-silenzju spiċċa.
Qabel l-avveniment, il-PiS akkuża lill-organizzaturi b’ipokresija, billi wera filmat li fih il-pulizija użat brutalità u vjolenza kontra l-midja waqt li Tusk kien fil-kariga ta’ Prim Ministru.
Wojciech Przybylski, editur ta’ Visegrad Insight, qal lill-BBC li dawn il-protesti juru li l-gruppi tal-oppożizzjoni tal-Polonja jistgħu jingħaqdu għal kawżi komuni, minkejja d-differenzi politiċi tagħhom. Iżda, filwaqt li l-PiS għadu fuq quddiem fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika, l-oppożizzjoni se tkompli timmobilizza għax taf li hija oppożizzjoni reali.