Aktar minn nofs miljun persuna niżlu fit-toroq tal-kapitali Ingliża f’dimostrazzjoni massiva kontra l-estremiżmu tal-lemin, ir-razziżmu u l-faxxiżmu, f’dak li qiegħed jitqies bħala wieħed mill-akbar mobilizzazzjonijiet pubbliċi tal-aħħar snin.
Id-dimostrazzjoni, organizzata mill-alleanza “Together Alliance”, ġibdet parteċipazzjoni wiesgħa minn għadd kbir ta’ organizzazzjonijiet umanitarji, unjins tal-ħaddiema, għalliema, pompieri, kif ukoll gruppi politiċi tax-xellug, organizzazzjonijiet favur il-Palestina u movimenti femministi. Magħhom ingħaqdu għexieren ta’ eluf ta’ ċittadini mħassba dwar iż-żieda fl-estremiżmu tal-lemin u r-razziżmu li, skont huma, qiegħed dejjem jinħass aktar fit-toroq tal-ibliet Brittaniċi.
Il-libertà tal-espressjoni u l-limiti tal-protesta ċivil
F’din l-aħħar protesta, il-pulizija arrestat 18-il persuna suspettati li appoġġjaw il-moviment “Palestine Action”. Dan wara li l-awtoritajiet kienu ħabbru minn qabel li se jintervjenu kontra kull min juri appoġġ lejn din l-organizzazzjoni li timmira kumpaniji involuti fil-produzzjoni tal-armi għall-Iżrael.
Skont ċifri uffiċjali, minn mindu bdiet is-sena li għaddiet, aktar minn 2,700 persuna ġew arrestati allegatament minħabba espressjonijiet ta’ appoġġ lejn il-“Palestine Action”, sitwazzjoni li qiegħda tqajjem dibattitu qawwi dwar il-libertà tal-espressjoni u l-limiti tal-protesta ċivili fir-Renju Unit.

