Thursday, December 26, 2024

Protesti kbar fl-Iżrael wara t-tkeċċija tal-Ministru tad-Difiża

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru ta’ Iżrael Benjamin Netanyahu keċċa lill-Ministru tad-Difiża Yoav Gallant, deċiżjoni li qanqlet protesti kbar madwar il-pajjiż. Netanyahu bbażata d-deċiżjoni tiegħu fuq “kriżi ta’ fiduċja” bejn iż-żewġ mexxejja f’dawn l-aħħar xhur. Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Israel Katz issa se jkun hu l-ministru tad-difiża.

It-tneħħija ta’ Gallant minn ministru kienet dovuta għal nuqqas ta’ qbil dwar tliet kwistjonijiet, inkluż it-twemmin li huwa possibbli li l-ostaġġi li fadal jiġu lura minn Gaża jekk Iżrael jagħmel konċessjonijiet iebsa iżda li jiflaħ għalihom.

Bosta dimostranti li ħarġu fit-toroq talbu għar-riżenja ta’ Benjamin Netanyahu filwaqt li esiġu li l-Ministru tad-Difiża l-ġdid jipprijoritizza ftehim dwar l-ostaġġi.

Netanyahu u Gallant ilhom għal żmien twil ma jaqblux ma xulxin. Matul is-sena li għaddiet, kien hemm rapporti ta’ għajjat u diżgwid bejniethom dwar l-istrateġija tal-gwerra ta’ Iżrael f’Gaża. L-eks ministru tad-difiża wkoll kien kontra l-pjanijiet  li Iżrael ikompli jippermetti liċ-ċittadini Ultra Ortodossi ta’ Iżrael ikunu eżentati milli jservu fil-militar.

Netanyahu kien keċċa lil Gallant għall-ewwel darba f’Marzu 2023 wara n-nuqqas ta’ qbil u differenzi politiċi bejniethom, l-aktar dwar pjanijiet kontroversjali biex is-sistema tal-ġustizzja tiġi riveduta. Netanyahu iżda kien imġiegħel jirtira t-tkeċċija ta’ Gallant wara protesti pubbliċi kbar f’diversi bliet fl-Iżrael. 

Iżda nhar it-Tlieta Netanyahu qal li f’nofs gwerra, aktar minn qatt qabel, hija meħtieġa fiduċja sħiħa bejn il-prim ministru u l-ministru tad-difiża. Qal li għalkemm kien hemm fiduċja reċiproka u ħidma produttiva fl-ewwel xhur tal-gwerra, matul l-aħħar xhur din il-fiduċja tnaqqret.

Wara l-aħbar tat-tkeċċija tiegħu, Gallant ħareġ stqarrija sħiħa fejn qal li t-tneħħija tiegħu mill-kariga kienet riżultat ta’ nuqqas ta’ qbil fuq tliet kwistjonijiet: li m’għandu jkun hemm l-ebda eċċezzjoni għas-servizz militari, li kienet meħtieġa nkjesta nazzjonali biex jittieħdu t-tagħlimiet tal-gwerra, u li l-ostaġġi għandhom jinġiebu lura kemm jista’ jkun malajr.

Wieħed mid-dimostranti li pprotestaw, Yair Amit, qal li Netanyahu qed jipperikola l-pajjiż kollu u appella lill-Prim Ministru biex iwarrab mill-kariga tiegħu malajr u jħalli nies serji jmexxu Iżrael.

Grupp li jirrappreżenta l-familji tan-nies meħuda ostaġġi mill-Ħamas fl-attakk tiegħu tas-7 ta’ Ottubru kkundanna wkoll it-tkeċċija ta’ Gallant u sejħilha kontinwazzjoni tal-isforzi biex il-ftehim għall-ħelsien tal-ostaġġi ma jintlaħaqx. 100 ostaġġ minn 251 li nħatfu għadhom ma nstabux wara aktar minn sena ta’ gwerra.

F’Mejju ta ‘din is-sena, Gallant esprima fil-beraħ il-frustrazzjoni għan-nuqqas tal-gvern li jindirizza l-kwistjoni dwar pjan ta wara l-gwerra għal Gaża. Gallant ried li Netanyahu jiddikjara pubblikament li Iżrael m’għandu l-ebda pjan li jieħu f’idejh il-ħakma ċivili u militari f’Gaża.

Kien sinjal pubbliku rari ta’ firdiet fi ħdan il-kabinett tal-gwerra ta’ Iżrael dwar id-direzzjoni tal-kampanja militari. B’reazzjoni għat-tneħħija ta’ Gallant nhar it-Tlieta filgħaxija, membri tal-partiti politiċi tal-oppożizzjoni ta’ Iżrael talbu għal protesti pubbliċi.

It-tkeċċija ta’ Gallant sseħħet ukoll fil-jum tal-elezzjoni presidenzjali fl-Istati Uniti – is-sostenitur ewlieni tal-Iżrael fil-gwerra tiegħu f’Gaża. Gallant kien meqjus li għandu relazzjoni ferm aħjar mal-White House minn Netanyahu.

Osservaturi nnotaw li t-tneħħija ta’ Gallant waslet ukoll fi żmien fejn Netanyahu jinsab taħt pressjoni minn politiċi tal-lemin estrem biex jgħaddi abbozz ta’ liġi li tkompli tippermetti liċ-ċittadini ultra-Ortodossi ta’ Iżrael ikunu eżentati milli jservu fil-militar. Gallant kien avversarju ta’ profil għoli  għal dak l-abbozz

Ekonomija

Sport