L-eku tal-laqgħa mqanqla bejn il-presidenti Donld Trump, il-viċi-president JD Vance u Volodomyr Zelensky fil-White House, għadu jidwi f’diversi stati Amerikani u anki qanqal protesti partikularment kontra l-viċi-president JD Vance. Fil-fatt, dimostranti fl-Istati Uniti inġabru f’ġenb ta’ triq f’Vermont li kellu jgħaddi minnha l-Viċi President Amerikan JD Vance fi triqtu għal vaganza.
Id-dimostranti ġarrew tabelli u kartelluni favur l-Ukrajna fir-rotta f’Waitsfield li JD Vance u l-familja tiegħu kienu mistennija li jieħdu fi triqthom biex imorru jiskijjaw. Il-midja Amerikana rrapportat li l-familja Vance, minflok, marret f’post mhux żvelat minħabba d-dimostrazzjonijiet.
Mijiet ta’ nies inġabru wkoll fi New York, Los Angeles u Boston nhar is-Sibt biex jesprimu l-appoġġ tagħhom għall-Ukrajna jum wara l-laqgħa furjuża fl-Uffiċċju Ovali tal-president Trump.
Ix-xeni straordinarji fl-Uffiċċju Ovali urew lil Vance jakkuża lill-president Ukren Zelensky li kien iddiżrispetta l-Istati Uniti garanzija għal Ukrajna f’każ ta’ ftehim ta’ paċi mar-Russja. Trump ukoll dar għal Zelensky, u akkużah li kien qed jilgħab mat-Tielet Gwerra Dinjija”.
Il-protesta f’Waitsfield kontra l-amministrazzjoni Trump-Vance kienet ġiet organizzata aktar kmieni fil-ġimgħa qabel il-konfront tal-president u l-viċi president tal-Istati Uniti ma’ Zelensky.
Qabel il-vjaġġ tal-familja Vance, il-gvernatur Repubblikan ta’ Vermont Phil Scott kien ħeġġeġ lin-nies biex “juru rispett” lejn Vance u l-familja tiegħu. Scott, li kien irrifjuta li jivvota lil Trump, qal li kien qed jilqa’ lill-viċi-president u lill-familja tiegħu f’Vermont u awguralhom li jgawdu tmiem il-ġimgħa tagħhom hawn.
Żied jgħid li jittama li n-nies ta’ Vermont jiftakru li l-viċi-president qiegħed fuq vjaġġ tal-familja mat-tfal żgħar tiegħu u, filwaqt li forsi mhux dejjem naqblu, għandna nkunu rispettużi.
Vance, li għandu tlett itfal żgħar ma’ martu Usha, ma kkummentax pubblikament dwar il-protesti. Il-kontro-dimostranti li jappoġġjaw lil Trump u Vance kienu wkoll irrappurtati f’Waitsfield.
Separatament, id-dimostranti nġabru wkoll barra l-ħwienet ta’ Tesla fl-Istati Uniti nhar is-Sibt biex jipprotestaw kontra l-ispinta ta’ Elon Musk biex inaqqas l-infiq tal-gvern.
Musk, il-kap eżekuttiv biljunarju ta’ Tesla, ġie inkarigat minn Donald Trump biex imexxi u jissorvelja d-Dipartiment tal-Effiċjenza tal-Gvern, magħruf b’mod aktar popolari bħala Doge.