Wara li lbieraħ seħħ attakk fuq il-komunità Kurda li jgħixu fi Franza, illum fiċ-ċentru tal-kapitali kien hemm protesti vjolenti.
Id-dimostranti bdew ikissru kulma sabu quddiemhom, jaqilbu karozzi u anke tawh in-nar lil xi vetturi. Huma bdew jitfgħu diversi affarijiet lejn il-pulizija li kienu qegħdin jipprovaw jikkontrollaw lid-dimostranti. Il-pulizija kellhom jużaw il-gass tad-dmugħ biex jikkontrollaw lil mijiet ta’ persuni li ħarġu jipprotestaw.
Il-protesta bdiet hekk kif mijiet ta’ Kurdi marru jsellmu lill-vittmi li nqatlu fl-attakk tal-Ġimgħa. Huma ltaqgħu Place de la République eżatt fiċ-ċentru tal-belt fejn imbgħad bdew il-ġlied u l-vjolenza.
Il-pulizija Franċiża għadha qiegħda titkellem ma’ raġel li jingħad li hu sewwieq tal-ferroviji rtirat. L-investigaturi qegħdin iqisu lil dan ir-raġel bħala s-suspettat ewlieni tal-attakki li seħħew nhar il-Ġimgħa.