Seduta fil-Qorti l-Ġimgħa filgħodu f’kawża tal-iffriżar tal-assi fil-każ tal-inkjesta Vitals, bdiet 50 minuta tard u kellha tinbidel l-awla minħabba li ma setgħux ikunu solvuti problemi tekniċi biex isir kuntatt ma’ żewġ esperti. Meta bdiet is-seduta u sar kuntatt ma’ wieħed mill-esperti, il-konnettività tant kienet ħażina, illi l-Imħallef Edwina Grima kellha titlob lill-espert isib post ieħor waqt li l-avukati tal-persuni li fetħu l-kawża lmentaw ripetutament li ma kienu qed jifhmu xejn.
Fis-seduta kellhom jixhdu l-esperti Rogder Trotter u Kenneth David Churchill. Is-seduta kellha tibda fid-9.30 a.m. Madanakollu 40 minuta wara s-seduta kienet għadha ma bdietx għaliex kien hemm problemi tekniċi biex isir kuntatt magħhom bil-video conferencing. Meta l-problema ma setgħetx tigi solvuta, kien deċiż li tinbdel l-awla. Eventwalment wara li kulħadd mexa minn awla għal oħra, għaddew għaxar minuti oħra sakemm setgħet tibda s-seduta.
Rodger Trotter qal li xogħlu kien li jiġbor l-informazzjoni u jgħaddiha lil Jeremy Harbinson. Spjega illi ġieli vvjaġġa lejn Malta u ħadem mill-bini tal-Qorti. Madanakollu huwa qatt m’għamel analiżi tal-informazzjoni li ġabar.
Mistoqsi mill-Avukat Vince Galea, li qed jidher f’isem l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, dwar x’kien l-involviment tiegħu fuq kif ġew stabbilti il-figuri tas-somom ta’ flus li ġew iffrizati, l-espert wieġeb li ma kellu ebda involviment.
Meta sar kuntatt mal-espert l-ieħor Kenneth David Churchill, mill-ewwel deher car li l-konnettività kienet ta’ kwalità ħażina ħafna. Minn dak li beda jinftiehem, l-espert qal li tqabbad jaħdem fuq l-inkjesta minn Jeremy Harbinson. Spjega illi ħadem fuq numru ta’ talbiet li sarulu iżda ħadem biss fuq biċċiet ‘l hemm u ‘l hawn.
Wara madwar 20 minuta, l-Imhallef Edwina Grima talbet lill-espert isib post ieħor fid-dar fejn il-konnettività setgħet tkun ħafna aħjar għaliex ma kienx qiegħed jidher u jinftiehem sew. Minkejja li Churcill sab rokna oħra f’daru, il-konnettività xorta baqgħet ħażina ħafna.
L-avukati bdew jilmentaw ripetutament dwar dan. L-avukatessa Gianella De Marco lmentat li l-espert diġà ngħata konċessjoni li ma ġiex Malta biex jixhed u għalhekk ma kienx aċċettabbli li issa jkun hemm din it-tbatija kbira biex jifhmuh.
L-Avukat Chris Cilia pprotesta li mhux aċċettabbli li dan l-espert tħallas terz ta’ miljun iżda wara li ma ġiex Malta, issa ma kien qiegħed jinftiehem xejn. L-avukat Edward Gatt żied li mill-esperti kollha li ntalbu jixhdu ebda wieħed minnhom għadu ma qal kif inħadmu l-freezing orders. L-avukat Cilia rrimarka li l-unika miljuni li nafu bihom huma dawk li tħallsu l-esperti.
L-Imħallef Grima rrimarkat li proċeduri li suppost ħadu sebat ijiem se jkunu ħadu seba’ snin. Meta l-Imħallef qrat l-ismijiet ta’ dawk li huma involuti fil-kawża u staqsiet lill-espert jekk għamilx xogħol dwarhom, wieġeb li ma għamilx. Meta l-espert waqaf jixhed, l-Imhallef qaltlu illi jekk kien se jkun hemm bżonn kien se jerġa’ jsir kuntatt miegħu u wissietu biex darb’oħra jara li jkollu konnettività tajba.
Sadanittant qabel intemmet is-seduta l-Imhallef Grima qalet li l-Qorti kienet irċeviet twegiba mingħand l-espert Barry O’Donnell fit-18 ta’ Settembru. O’Donnell qal lill-Qorti li huwa ma kellu ebda involviment fir-rapport li ħejja Jeremy Harbinson.
Fid-dawl ta’ dan, l-avukati ta’ dawk li fetħu l-kawżu qalu li mhux se jinsistu li jixhed għaliex ma jistax jixħet dawl fuq il-proceduri. Madanakollu, l-Avukat Francesco Refalo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li jrid li dan l-espert jixhed xorta wahda. Waqt illi l-Imħallef staqsiet għaliex se jibqa’ jinħela l-ħin, l-avukatessa Gianella deMarco staqsiet jekk l-uffiċċju tal-Avukat Generali hux jgħid li dan l-espert qed jigdeb fit-tweġiba li bagħat lill-Qorti.
L-Imhallef Grima qalet ukoll illi l-Qorti ma setgħetx tistabbilixxi kuntatt mal-esperta Jill Kennedy.