Sunday, August 10, 2025

“Prova indirizza l-problema tad-droga li għandek”

Aqra wkoll

Jintbagħat sitt xhur ħabs wara li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest

Denis Cremona ta’ 50 sena residenti l-Marsa ntbagħat sitt xhur ħabs wara li ammetta li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li kien ingħata fi tliet kawżi differenti. 

Cremona kien mixli li bejn l-1 ta’ Lulju 2025 u l-10 t’Awwissu ma marx jiffirma l-Għassa ħames darbiet u dan minkejja li l-kundizzjonijiet għal-libertà proviżorja kienu jgħidu li huwa kellu jiffirma kuljum.

Fuq il-pedana tax-xhieda, Cremona qal li f’żewġ okkażjonijiet minnhom huwa kien jinsab ma jiflaħx u kien għalhekk li ma marx jiffirma filwaqt li ammetta li kien hemm okkażjoni oħra fejn nesa jiffirma u drabi li ma jiftakarx li ma kienx iffirma. Madanakollu, il-Prosekuzzjoni saħqet li huwa qatt ma ppreżenta ċertifikat mediku li jikkonferma li kien tassew ma jiflaħx. 

Quddiem il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil, l-imputat ammetta l-akkużi miġjuba kontrih, bil-Prosekuzzjoni titlob għal piena ta’ priġunerija effettiva u l-konfiska tad-depożiti li tħallsu bħala garanzija għall-ħelsien mill-arrest. Min-naħa tagħha, id-Difiża talbet lill-Qorti biex turi lenjanza mal-imputat anke minħabba ċ-ċirkostanzi personali tiegħu.

Il-Qorti sabitu ħati tal-akkużi u kkundannatu piena ta’ sitt xhur priġunerija effettiva filwaqt li ordnat il-konfiska tas-somma ta’ €1,500, li huma parti mill-ammont stabbilit fid-digrieti tal-ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti laqgħet ukoll it-talba tal-Prosekuzzjoni għar-revoka tal-ħelsien mill-arrest ta’ Cremona u ordnat l-arrest mill-ġdid tiegħu. “Prova indirizza l-problema tad-droga li għandek. Kull darba tgħidli ‘Iva’ u kull darba terġa’ tiġi hawn. Ħudha bis-serjetà,” qalet il-Maġistrat Camilleri Busuttil hija u tindirizza lill-ħati.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Michael Vella u Christian Cauchi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport