Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, żar is-swali tal-operazzjonijiet fl-Isptar Mater Dei biex jara mil-qrib kif l-investiment rekord li l-Gvern qed jagħmel fis-settur tas-saħħa qed iwassal għal aktar interventi u servizzi aħjar għall-pazjenti Maltin u Għawdxin.
Matul iż-żjara tiegħu fit-taqsima tal-Operating Theatres, il-Prim Ministru kellu l-opportunità jiltaqa’ ma’ pazjenti li kienu se jiġu operati matul il-jum. Hawnhekk ukoll żar il-kirurgi waqt li kienu lesti biex jibdew iwettqu l-interventi tal-ġurnata, filwaqt li ra mill-qrib l-apparat robotiku kirurġiku li permezz tal-investiment tiegħu qed jonqsu r-rati ta’ kumplikazzjonijiet u ż-żmien tal-irkupru.
Waqt din iż-żjara il-Prim Ministru żar ukoll il-binja tal-amministrazzjoni tal-isptar li bħalissa tinsab taħt manutenzjoni u tibdil intensiv biex minn binja bl-uffiċini tinbidel għal żewg swali b’47 sodda.
Fl-aħħar sena, in-numru ta’ operazzjonijiet żdied b’rata kbira grazzi għall-investiment fil-kirurġija robotika u fis-sistema ta’ outsourcing mal-isptarijiet privati. Fl-2025, l-interventi bħal dawk tal-hip u knee replacements żdiedu b’mod qawwi.
L-interventi ta’ knee replacements biss żdiedu għal 890 meta mqabbla ma’ 390 fl-2024, filwaqt li l-interventi tal-endoskopija laħqu aktar minn 13,000, żieda ta’ kważi 2,400 fuq is-sena ta’ qabel. Dan grazzi għall-introduzzjoni ta’ proċeduri avvanzati bħal Capsule Endoscopy, li permezz ta’ kapsula tippermetti li jittieħdu ritratti tal-intern mingħajr ebda uġigħ jew loppju.
Dawn l-avvanzi kollha setgħu isiru grazzi għal investiment mill-Gvern fis-settur tas-saħħa. Is-sena l-oħra il-Gvern investa €14-il miljun f’sistema ta’ kollaborazzjoni bejn il-Gvern u s-settur privat li rriżultat fit tnaqqasi tal-istennija tal-pazjenti għal diversi tipi ta’ interventi, fosthom tal-għadam, tal-ftuq, u dawk radjoloġiċi bħall-CT u MRI scans.
Bil-Budget għas-sena d-dieħla, l-investiment kapitali fis-saħħa se jiżdied għal €107 miljun, żieda ta’ 4% fuq din is-sena. Dan hekk kif il-Gvern se jibda tliet proġetti kbar: sptar ta’ 300 sodda f’San Vinċenz de Paul, sptar ġdid għas-saħħa mentali u l-estensjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal: “L-investiment bla preċedent fil-qasam tas-saħħa hu xhieda konkreta ta’ Gvern li jpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tiegħu. Għall kull operazzjoni oħra li jirnexxilena nżidu, għall kull pazjent li jirkupra aktar malajr, nkunu qed nagħtu ħajja aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin.”
Huwa faħħar il-professjonisti kollha għax-xogħol li jwettqu ta’ kuljum biex is-sistema tas-saħħa Maltija tibqa’ toffri l-aqwa servizz.

