Saturday, November 23, 2024

Psikologu: Il-maġġoranza tan-nies jerġgħu lura għal normalità ġdida wara ftit taż-żmien

Aqra wkoll

Iżda għal ħafna tista’ tfisser li jkollhom jidraw ħajja iktar stressanti

Minn MARIA AZZOPARDI

Hekk kif mil-lum jiġu rilaxxati bosta miżuri li kienu fis-seħħ matul il-pandemija tal-Covid-19, u pajjiżna se jibda mill-ġdid it-triq lejn in-normalità, bosta huma dawk li jistaqsu kif se tkun in-normalità l-ġdida u x’effetti psikoloġiċi jista’ jkun hemm speċjalment fuq dawk l-aktar vulnerabbli. 

Dr Michael Galea, Psikologu, Terapista tal-familja u Lettur Anzjan fil-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa fl-Università ta’ Malta qalilna li mhux kulħadd jirreaġixxi bl-istess mod. Dan għaliex, hemm min jieħu ż-żmien sa ma jqum fuq saqajh u jkompli sejjer b’ħajtu filwaqt li hemm min jibqa’ taħt l-impatt diffiċli tat-trawma u ma jistejqer qatt. Din in-normalità l-ġdida għal ħafna tista’ tfisser li jkollhom jidraw ħajja iktar stressanti. “Iżda,” qal Galea,“il-maġġor parti tan-nies jerġgħu lura għal normalità ġdida wara ftit taż-żmien. Dan iseħħ għax il-bniedem hu maħluq biex jiġġieled lil kuntrarji tal-ħajja biex ikun reżiljenti.”

Galea jisħaq li, fost affarijiet oħra, in-normalità l-ġdida se titlobna nieħdu b’iktar serjetà l-iġjene u nifhmu iktar kemm is-saħħa umana hi fil-fatt fraġli.

Il-pandemija laqtet lil kull faxxa ta’ nies fis-soċjetà

Skont l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) l-ikbar impatt negattiv tal-pandemija Covid-19 hu żieda fl-istress jew ansjetà. Galea qal li ma’ dan, wieħed irid iżid ukoll żieda fis-solitudni, dipressjoni, użu ikbar ta’ alkoħol u droga, self-harm u riskji ta’ suwiċidju. Huwa qal li l-pandemija laqtet lil kull faxxa ta’ nies fis-soċjetà, bla distinzjoni għax il-mard u l-mewt ma jħares lejn wiċċ ħadd.

Fost dawk milquta, it-tfal jieħdu attenzjoni partikolari għax huma popolazzjoni vulnerabbli. Galea qal li t-tfal iwieġbu għall-istress b’mod differenti mill-adulti, fejn normalment isiru iktar dipendenti, anzjużi, aġitati, jingħalqu fihom infushom u ġieli anke rabja, fost l-oħrajn.

Spjega lit-tfal li l-coronavirus hi marda li ħafna jfiqu minnha u li mhix marda li tgħaddi wara xi tlett ijiem

Galea qal li biex tisma’ u tkun mat-tfal m’hemmx għalfejn dejjem tuża’ l-kliem, anzi spiss hu aħjar li tipprovdilhom spazju sigur fejn jistgħu jilgħabu b’mod komdu bla restrizzjonijiet. “Jekk jistaqsuk dwar ir-realtà preżenti, riskji li jimirdu u oħrajn, tajjeb li fit-tweġibiet tiegħek tkun fattwali, għid li għandek tgħid, skont l-età u l-maturità tagħhom u ibqa’ realistiku. Lit-tfal tajjeb tispjegalhom, idealment individwalment, xi punti importanti bħal li l-coronavirus hi marda li ħafna jfiqu minnha u li mhix marda li tgħaddi wara xi tlett ijiem, bħalma spiss jiġri f’min ikollu l-influwenza jew xi riħ, imma tieħu iktar żmien,” qal Galea.

Fl-istess waqt anke l-anzjani jintlaqtu minn stress u ansjetà f’din il-pandemija u għalhekk huwa importanti li jieħdu ħsieb tagħhom infushom sakemm possibbli fiżikament u emozzjonalment. Dan isir billi jżommu lilhom infushom attivi fiżikament kemm jista’ jkun, jieklu u jistrieħu tajjeb, jevitaw alkoħol u drogi, jagħmlu attivitajiet li jirrilassaw bihom jew li jieħdu gost jagħmlu u jżommu kuntatt soċjali kif u meta possibbli.

Pajjiżna hu kburi li s-sitwazzjoni lokali ġiet ikkontrollata tajjeb

Galea qal li pajjiżna hu kburi li s-sitwazzjoni lokali ġiet ikkontrollata tajjeb. “Preżentement, il-każijiet ġodda naqsu u l-imxija bejn persuna infettata u oħrajn li m’humiex, dik imsejħa l-R Factor, niżlet għal livelli aċċettabbli. Minkejja dan, pero, inħoss li ma nistgħux nippretendu li issa għadda kollox u qisu qatt ma kien xejn. Dak li ma ġarax fi tliet xhur, jaf jiġri f’jumejn. Hemm bżonn li nibqgħu kawti u attenti, speċjalment li ħafna mill-miżuri qed jitneħħew u daqt ukoll jerġa’ jibda l-ivjaġġar bl-ajru u bil-baħar,” qal Galea.

Tajjeb li nirriflettu ftit għal dak li nistgħu nitgħallmu ħalli fil-futur ma jiddispjaċiniex

Galea qal li din il-pandemija qed tiswa biex tiftħilna għajnejna. “Daqsxejn ta’ virus malajr neħħilna l-ħmerijiet kollha u ġabna wiċċ imb’wiċċ mar-realtajiet tal-ħajja u l-mewt. Quddiem din ir-realtà tajjeb li nirriflettu ftit għal dak li nistgħu nitgħallmu ħalli fil-futur ma jiddispjaċiniex,” qal Galea.

Il-Psikologu qal li l-ewwel nett m’għandniex nippretendu li ħajjitna dejjem se tkun sigura minħabba l-fatt li din il-pandemija tista’ terġa’ tfeġġ forsi anke b’iktar saħħa. “Skont Bill Gates,” qal Galea, “l-ikbar riskju bħalissa għall-futur tad-dinja se jkun ġej minn xi pandemija bħal din. Jidher għalhekk li għandna bżonn nidraw naħsbu ferm aktar għal kulma jista’ jinqala’, iktar milli ħsiebna biex nonfqu. Ikkunsidra ftit x’paniku kien hawn għax ħafna pajjiżi nqabdu mingħajr ventilaturi għall-isptarijiet tagħhom. L-immaġini ta’ serbut twil ta’ trakkijiet mgħobbija bit-twiebet fl-Italja ta’ Fuq hi stampa li ma ninsiex. Esperjenza minn tabib li baqgħet tidwi fija kienet fejn qal li minħabba nuqqasijiet fis-sistema tas-saħħa Taljana, ġieli hemm żmien li fih għandna naħsbu iktar għal li jista’ jinqala’, kienet din il-pandemija, fejn il-ħajja umana waqfet u staġnat f’kull rispett.”

Nammettu li l-ħajja umana fiha kemm is-sabiħ u kemm l-ikrah

Galea qal li jeħtieġ nammettu, iktar milli komdi naċċettaw, li l-ħajja umana fiha kemm is-sabiħ u kemm l-ikrah. Huwa qal li t-tbatija, il-mard, l-infezzjonijiet u l-pandemiji huma parti integrali tal-ħajja umana. “Mhux għax xi darba ma kinux, imma ejja nkunu sinċieri, kemm minna jammettu din ir-realtà f’’ħajjithom? Ħafna nies jgħixu qisu ħajjithom se tkun biss ward u żahar. Dan ma jfissirx li għandna nippanikkjaw, iżda li għandna nkunu iktar realistiċi fl-għażliet u pjanijiet tagħna,” qal Galea filwaqt li osserva li għal ħafna, normalità ġdida se tfisser li jkollhom jidraw ħajja iktar stressanti.

Il-Psikologu qal li dawk il-ġenituri li jaħdmu mid-dar filwaqt li jieħdu ħsieb lil uliedhom fid-dar ukoll, issa se jkollhom jidraw ħajja stressanti iktar milli mdorrija biha. Studji ġodda minn diversi pajjiżi juru dan b’mod ċar u Galea qal li l-istess jista’ jingħad għal dawk l-individwi li jieħdu ħsieb persuni vulnerabbli, imsejħa ‘care-givers’.

Emfasi iktar għal kuntatt virtwali

Galea qal li fost ir-rutina ġdida, diġà qed naraw emfasi iktar għal kuntatt virtwali li, minkejja kull nuqqas li jista’ jkollu, f’dawn il-ġimgħat rajna kemm jaf ikunilna ta’ ġid ukoll. Il-Psikologu qal li b’mod globali, sew jekk int ġenitur bit-tfal, għalliem, tabib, pulizija jew ħaddiem tal-id, in-normalità ġdida se titlobna nieħdu b’iktar serjetà l-iġjene u nifhmu iktar kemm is-saħħa umana hi fil-fatt fraġli. Dan jirrikjedi li nidraw u nitgħallmu rutini ġodda dwar kif nieħdu ħsieb is-saħħa, fit-totalità tagħha bħal ritwali ġodda kif inżommu lilna nfusna nodfa fiżikament, bħall-ħasil tal-idejn, protokolli ġodda dwar kif nivvjaġġaw, inżuru postijiet, nixtru, nitolbu fi knisja, kif niċċelebraw il-festi, fejn ikollna nobdu regoli ta’ distanzi soċjali imma anke iġjene personali.

Issieħeb fis-sit fuq YouTube għal iktar informazzjoni fuq dawn it-temi u dwar psikoloġija għal kuljum, bl-isem Psychology Minute with Michael Galea.

Sport