Friday, November 22, 2024

PSR: Veru li Man Utd ingħataw trattament speċjali mill-PL?

Aqra wkoll

Fil-media Ingliża qed jiġi rapportat li allegatament Manchester United ingħataw trattament speċjali fir-rigward tar-regoli tal-Profitt u s-Sostennibbiltá. 

Fl-istaġun li għadda, Everton u Nottingham Forest, ġew imnaqqsa punti minħabba li kisru r-regoli tal-PSR. Filwaqt li dawn tal-aħħar tnaqqsulhom erba’ punti, lit-Toffees tnaqqsulhom tmien punti. 

U biex jilħqu l-kriterji ta’ dawn ir-regoli, ingħataw ċans li sal-aħħar ta’ Ġunju li għadda huma kellhom ibiegħu numru ta’ players minħabba li setgħu jiġu imposti fuqhom aktar sanzjonijiet. 

Peró, waqt programm ta’ talkSPORT fuq stazzjon tar-radju, il-kap eżekuttiv tad-ditta legali, Watchstone Group PLC, Stefan Borson, allegatament sostna li l-kumpanija tiegħu għandha bosta informazzjoni finanzjarja dwar il-club ta’ Manchester United.

Fl-aħħar sena finanzjarja, ir-Red Devils għamlu qliegħ ta’ £140 miljun qabel it-tax­xa. Iżda huwa qal ukoll li għandhom ukoll ċerta informazzjoni dwar l-ispejjeż tagħhom li meta l-valutazzjoni tinfirex fuq tliet snin, jirriżulta li Manchester United fallew ir-regola tal-Profitt u Sostennibbiltá għall-istaġun li għadda … fuq żewġ binjari.

L-ewwel minħabba li huma ngħataw allowance eċċezzjonali ta’ £40 miljun għal Covid-19, fl-2022, meta d-19-il clubs l-oħra tal-Premier League ngħataw biss £1 miljun. 

Barra minn hekk jidher ukoll li ngħataw allowance ta’ madwar £35 miljun ta’ spiża eċċezzjonali relatata mal-bejgħ tal-ishma lil Jim Ratcliffe.

Il-kummenti ta’ Borson qajmu furur kbir mal-clubs ta’ Premier League speċjali minn Everton u Nottingham Forest li sostew li kellhom jaqbdu strateġija ġdida biex isalvaw posthom fl-ogħla diviżjoni. 

Huma sostnew ukoll li kien hemm players li ma kellhomx jiġu mibjugħa li kieku ngħataw l-istess trattament bħal Manchester United. 

U jekk din l-allegazzjoni hija vera, se jiġu kkumpensati l-clubs l-oħra? Il-Premier League se jkollu jagħti £40 miljun  lid-19-il clubs jew inkella se jittieħdu lura mingħand il-United u jiġu akkużat bil-PSR?!

Iżda jekk din l-istorja hija vvintata, għa­liex din l-allegazzjoni kienet immirata biss fuq Manchester United meta hemm għaj­dut ieħor fuq clubs oħra? 

Sport