Friday, May 3, 2024

Pubblikazzjoni ġdida dwar restawr ta’ 12-il orgni f’Malta u Għawdex

Aqra wkoll

Is-Social Causes Fund u Heritage Malta niedew pubblikazzjoni ġdida bl-isem Celebrating Music: a selection of good causes. Dan il-ktieb jitfa’ dawl fuq ir-restawr ta’ 12-il orgni fil-knejjes Maltin u Għawdxin li bbenefikaw minn fondi għall-kawżi soċjali.

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar, fl-irwol tiegħu ta’ Chairperson tal-Social Causes Fund, ħabbar li mill-2014 ’l hawn tqassmu aktar minn €381,000 għar-restawr ta’ dawn l-orgnijiet. Dawn il-fondi għamluha possibbli biex dawn l-istrumenti uniċi, li wħud minnhom imorru lura għas-seklu 18, jiġu salvati u ma jisfaxxawx fix-xejn.

Il-ktieb jitfa’ dawl fuq l-istorja ta’ kull orgni, bl-ispeċifikazzjonijiet partikolari tiegħu saħansitra dawk tekniċi u l-proċess tar-restawr li sar jew li hu meħtieġ. Dawn id-dettalji jagħmlu din il-pubblikazzjoni bħala waħda oriġinali u l-ewwel tax-xorta tagħha f’dan il-qasam.

Il-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri qal li s-Social Causes Fund ta’ kull sena jiżdied b’madwar €1.7 miljuni, fejn f’dawn l-aħħar sitt snin, dan il-fond ta’ iktar minn €10 miljuni intuża għal proġetti soċjali li jkomplu jkattru l-patrimonju Malti. Il-Ministru Schembri spjega kif is-Social Causes Fund hu magħmul minn rebħ  mhux miġbur u parti mit-taxxi ta’ attivitajiet ta’ gaming.

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana spjega li dawn l-investimenti jsaħħu l-patrimonju kulturali u reliġjuż ta’ pajjiżna u għalhekk l-identità tal-Maltin u l-Għawdxin. “Imma apparti minn hekk, permezz tal-pubblikazzjoni li saret, dan li qed nagħmlu llum qiegħed ikompli jsaħħaħ il-kredenzjal li l-poplu Malti u Għawdxi għandu fit-tħaddin tar-riżorsi tal-pajjiż għaliex qed nagħtu rendikont b’mod trasparenti ta’ kif qed jintefqu l-fondi pubbliċi fuq investimenti li jkomplu jsaħħu l-patrimonju Malti u Għawdxi,” qal il-Ministru Caruana.

L-orgnijiet imsemmija fil-ktieb jinsabu fil-Knejjes ta’ Bormla, il-Gudja, Għajnsielem, Ħal Lija, l-Imsida, Raħal Ġdid, Sacro Cuor Tas-Sliema, Ħal Tarxien, il-Birgu, ix-Xewkija, San Franġisk t’Assisi l-Belt Valletta, u l-Monasteru ta’ San Pietru fl-Imdina.

Din hi t-tieni pubblikazzjoni li s-Social Causes Fund nieda, wara li f’Novembru 2021 ippubblika l-ktieb Conserving Art dwar proġetti ta’ restawr u konservazzjoni ta’ arti ffinanzjati minn dan il-fond. Dawn il-pubblikazzjonijiet jagħtu wkoll xhieda kontabbli fix-xogħol tas-Social Causes Fund.

Il-ktieb se jkun għall-bejgħ fil-jiem li ġejjin mis-sit ta’ Heritage Malta u l-ħwienet ewlenin tal-kotba.

Sport