Sunday, December 22, 2024

PUBLIC works

Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia

Aqra wkoll

Ftit xhur ilu, ħabbarna framework ta’ €10 miljuni, ixprunat mit-twemmin tagħna, li flimkien mal-54 kunsill lokali f’Malta nbiddlu l-komunitajiet tagħna.

Komunitajiet li ta’ kuljum nterrqu fihom, nirrilassaw fihom wara ġurnata ta’ ħidma, nibnu l-futur tagħna u ta’ wliedna fihom.

Tlaqna mill-punt billi staqsejna lilna nfusna, lill-kunsilli lokali u lill-pubbliku inġenerali mistoqsija fundamentali, “in-nies xi jridu fil-belt u r-raħal tagħhom?” It-tweġiba kollettiva kienet waħda u ċara – “Irridu bliet u rħula rriġenerati fejn flimkien mal-għeżież tagħna nistgħu nirrilissaw fi spazji miftuħa.”

Kif jgħid il-Malti, din l-għajta ma waqgħetx fuq widnejn torox. Xammarna l-kmiem u middejna għonqna għax-xogħol.

Fl-aħħar ġimgħat komplejt niltaqa’ ma’ aktar nies fil-pjazez tagħna, komplejt nitkellem ma’ aktar Sindki li laqgħu dan l-investiment ta’ €10 miljuni b’entużjażmu kbir. L-ideat li ta’ kuljum nisma’ bihom huma nifs ġdid li jistgħu verament mhux biss jagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna, iżda jbiddlu l-pajjiż fi spazju ta’ opportunitajiet għall-ġenerazzjonijiet preżenti u dawk futuri.

Jiena bħalkom residenti f’lokalità u bħalkom irrid aktar spazji miftuħa, infrastruttura aħjar, kunsilli lokali effiċjenti magħmula minn kunsilliera b’ideat innovattivi. Jiena wkoll kont Sindku ta’ lokalità li dejjem ħlomt li naraha isbaħ u aktar ħajja.

Jimlini b’sodisfazzjon kbir meta nara l-entużjażmu li nissel dan l-investiment bla preċedent fil-kunsilli lokali tagħna. Jimlini b’iktar kuraġġ meta nara kemm kollettivament, id f’id flimkien, irrelevanti jekk hux blu jew aħmar, nistgħu niksbu lkoll flimkien. Għaliex meta nġibu lill-bajda u l-ħamra, lill-belt jew r-raħal li tant inħobbu l-ewwel u qabel kollox, verament nistgħu nbiddlu għall-aħjar dan il-pajjiż mogħni b’opportunijiet infiniti.

Il-pedament li fuqu se nibnu l-futur tal-lokalitajiet tagħna huwa b’saħħtu, issa rridu li l-ideat ta’ kull wieħed u waħda minna ma jibqgħux fuq il-karta imma jimmaterjalizzaw fi proġetti li jitgawdew minn kulħadd.

PUBLIC works mhux sempliċiment frażi, iżda attitudni mibnija min-nies għan-nies u li se tfisser kwalità ta’ ħajja aħjar għall-komunitajiet tagħna.

Din hija l-ħolma tiegħi, li flimkien, ponn wieħed se nkunu qegħdin insarrfuha f’realtà.

Ekonomija

Sport