Persuni li kienu barra l-bini tal-iskola fejn seħħ il-massakru ta’ Texas, qalu li huma bdew iħeġġu lill-pulizija biex jidħlu ġewwa l-iskola u jwaqqfu lill-aggressur, iżda allegatament dawn baqgħu ma daħlux. Persuna partikolari qal li hu tant ħassu frustrat li beda jikkonsidra li jidħol hu minflok. Uħud minn dawk preżenti saħanistra qalu li “l-pulizija ma kienu qed jagħmlu xejn” fid-dawl ta’ dak li kien qiegħed jiżvolġi ġewwa l-skola.
L-aggressur, Salvador Ramos, qatel 19-il tifel u tifla filwaqt li fera 17 oħra. Hu mifhum li huwa kien ilu għal xejn inqas minn 40 minuta ġewwa l-iskola qabel inqatel. L-awtoritajiet qalu li l-aggressur qafel lili nnifsu ġo klassi u l-uffiċjali sabuha diffiċli ħafna biex jaċċessawha.
Steven McCraw, li huwa d-direttur tat-Texas Department of Public Safety, f’konferenza tal-aħbarijiet qal li l-aggressur kien ilu fil-binja bejn 40 minuta u siegħa qabel l-uffiċjali rnexxielhom “jikkontrollawh”. Min-naħa tiegħu, Raul Ortiz li huwa l-US Border Patrol Chief, qal ma’ CNN li kienu għexieren dawk l-uffiċjali li rrispondew għal dan l-attakk u saħaq li dawn “ma qagħdux lura”. Huwa tenna li, “dawn daħlu fil-klassi u kkontrollaw is-sitwazzjoni fl-iqsar ħin possibbli.”
Fl-aħħar sigħat sar magħruf ukoll li l-aggressur kien bagħat messaġġi privati fuq il-midja soċjali ftit qabel wettaq l-attakk. Il-Gvernatur ta’ Texas Greg Abbott qal li f’messaġġi li bagħat 30 minuta qabel l-attakk huwa wiegħed li se joqtol lil nanntu. Wara, meta bejn wieħed u ieħor kienu għaddew 15-il minuta, huwa qal li se jattakka skola primarja. Skont CNN dawn il-messaġġi privati nbagħtu lil żagħżugħa ta’ 15-il sena mill-Ġermanja li saret taf lil Ramos online.
Dawn il-messaġġi nbagħtu permezz ta’ facebook, u fid-dawl ta’ dan il-kumpanija Meta qalet li dawn kienu “messaġġi privati” li nstabu “wara li twettaq dan l-att traġiku.” Min-naħa tagħha, Meta qiegħda tikkopera mill-qrib mal-investigaturi.