Fl-aħħar sigħat l-instabbiltà ġewwa Sri Lanka kompliet tintensifika hekk kif raġel tilef ħajtu waqt id-dimostrazzjonijiet. Hu mifhum li dan ir-raġel tilef ħajtu wara li l-pulizija sparaw tiri b’armi tan-nar lejn dawk li kienu qed jipprotestaw. F’dan l-inċident kien hemm ukoll 14-il persuna li sofrew ġrieħi.
Filmati li xxandru fuq il-midja juru lill-pulizija jiftħu n-nar fil-belt ta’ Rambukkana. Min-naħa tagħhom il-pulizija qalu li huwa użaw forza minima biex jikkontrollaw id-dimostrazzjonijiet, iżda kienu bosta dawk li staqsew għaliex dawn użaw armi tan-nar. Dan l-inċident ġab il-kundanna kemm tar-rappreżentant tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Sri Lanka kif ukoll tal-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea.
Fil-preżent ġewwa dan il-pajjiż għaddejjin għadd ta’ dimostrazzjonijiet minħabba l-kriżi ekonomika li qiegħda tkun meqjusa bħala l-agħar waħda li laqtet lill-pajjiż mill-1948 ’il hawn.
Fl-aħħar ġimgħat kienu għexieren ta’ eluf dawk li niżlu fit-toroq jipprotestaw minħabba nuqqasijiet kbar ta’ servizzi u bżonnijiet essenzjali. Minħabba l-kriżi ekonomika, il-pajjiż spiċċa mingħajr riservi ta’ muniti barranin u b’hekk mhux qed ikollu biżżejjed flus biex jixtri l-fjuwil, mediċina u l-elettriku.