Thursday, December 26, 2024

Pulizija jixhed kif splussiv tat-tip C-4 kellu jinġieb Malta

Aqra wkoll

L-isplussiv li allegatament Jomic Calleja kellu jimporta f’pajjiżna kien tat-tip C-4.

Dan id-dettall ħareġ hekk kif quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech bdiet tinstema l-kumpilazzjoni ta’ Calleja, ir-raġel ta’ 34 sena minn Ħaż-Żebbuġ li jinsab mixli bl-importazzjoni ta’ splussiv f’pajjiżna.

Calleja, li għandu jiddefendih lill-Avukat Benjamin Valenzia, qagħad fl-awla liebes maskra kif kellhom l-erba’ gwardjani tal-Ħabs għassa miegħu.

L-ewwel seduta tal-kawża rat bħala l-ewwel xhud tagħha lis-Supretendent George Cremona li spjega l-kuntatti bejn il-Pulizija Maltija u servizzi ta’ intelliġenza barranin.

Dan wassal biex ġiet interċettata komunikazzjoni fuq l-internet bejn persuna li riedet tixtri l-isplussiv u oħra li riedet tbiegħha.

F’din il-komunikazzjoni ż-żewġ persuni, li ma jikxfux l-identita tagħhom, mhux biss isemmu l-isplussiv C-4 imma anke żewġ tipi ta’ veleni, il-Polonium-210 u r-Ricin.

Fid-diskursati bejniethom il-persuna interessati li tixtri l-isplussiv u l-velenu ssemmi wkoll kif il-vittma kellha tkun raġel bil-bejjiegħ jitlob it-tul u l-piż tagħha biex jara kemm kellha tkun id-doża.

Il-bejjiegħ jissuġġerixxi wkoll lix-xerrej biex jixtri biss doża waħda għax jekk jixtri ħafna dan jista’ jqajjem suspett mill-Pulizija.

Wara li l-Pulizija Maltija, bl-għajnuna ta’ servizzi sigrieti u pulizija barranin, saru jafu bil-każ il-komunikazzjoni bejn iż-żewġ persuni żvolġiet f’waħda fejn ix-xerrej ma ridx iħallas għall-isplussiv li ntbagħat u anke jgħid li l-“ħnieżer” qabduh l-isplussiv b’referenza għall-Pulizija.

Is-Supretendent Cremona xehed ukoll dwar kif huwa u kollega tiegħu telgħu l-Istati Uniti biex f’bażi militari f’Arizona jaraw il-kontenut tal-isplussiv.

Il-materjal tneħħa minn ġol-pakkett imma tħalli jkompli fi triqtu lejn Malta fejn dan kien indirizzat lil ċertu Roger Tabone għalkemm mill-istħarriġ irriżulta li dan kien isem falz.

Huma arrestaw impjegat mal-Express Trailers talli kien għadda informazzjoni lill-akkużat fejn kien wasal il-pakkett, għalkemm ma kienx jaf x’fih, u eventwalment lill-akkużat waqt li kien f’karozza ma’ martu fejn anke sabu madwar 320 gramma ħaxixa.

Is-Supretendent Cremona spjega kif Calleja kellu showroom fi Triq l-Imdina, Ħal Qormi, fejn kien jopera servizz tal-bitcoin u peress li ma kienx awtorizzat jagħmel dan mill-MFSA l-istess servizz ġie ordnat jagħlaq.

L-istess uffiċjal investigattiv, li investiga l-każ flimkien mal-Ispettur Omar Zammit, semma wkoll kif l-inkjesta maġisterjali immexxija mill-Maġistrat Joe Mifsud dwar dan il-każ għadha għaddejja.

Xhud ieħor kien Matthew Borg, l-eks-impjegat tal-Express Trailers li spjega kif l-akkużat kien jistaqsih dwar fejn waslet il-kunsinja tal-pakkett u kif meta xufier tal-kumpanija mar iqassmu ma sab lil ħadd bl-isem Roger Tabone u wara li l-pakkett ġie lura spiċċa arrestat mill-Pulizija.

Jonathan Attard, xufier mal-Express Trailers, ikkonferma li kien hu li kellu jqassam il-pakkett imma meta mar fl-indirizz fejn kellu jħallih xi ġirien qalulu li ma kien jeżisti ħadd b’dak l-isem u għalhekk irritorna lejn il-maħżen fejn innota karozza ssegwih fejn eventwalment irriżulta li din kien fiha l-pulizija.

Johan Vella, direttur tal-Express Trailers, ippreżenta fil-kawża lista ta’ 13-il pakkett li kienu indirizzata lil Roger Tabone u Simona Cremona bejn April u Awwissu 2019, ismijiet li l-Pulizija temmen li uża Calleja biex iġib affarijiet minn barra.

Il-Maġistrat Frendo Dimech iddeċidiet li tkompli tisma l-kawża fis-6 ta’ Mejju u sadanittant ordnat l-iffriżar tal-assi ta’ Calleja.

Ekonomija

Sport