Sunday, November 24, 2024

Pulizija li użaw gass tad-dmugħ fost l-akkużati b’rabta mat-traġedja fl-Indoneżja

Aqra wkoll

Il-Pulizija Indoneżjana se tressaq akkużi kriminali kontra tliet uffiċjali u tliet persuni ċivili b’rabta mal-imwiet ta’ 131 persuna. Dan hekk kif il-pulizija sparaw gass tad-dmugħ ġewwa grawnd tal-futbol, ​​u sussegwentament inħoloq paniku sħiħ għall-ħruġ fejn bosta persuni spiċċaw mgħaffġin. 

Il-kap tal-Pulizija Nazzjonali Listyo Sigit Prabowo qal li s-suspettati jinkludu l-kap tal-PT Liga Indonesia Baru, li jamministra l-ogħla diviżjoni tal-futbol professjonali tal-pajjiż u li huwa responsabbli li jiżgura li l-grawnds ikollhom ċertifikati operattivi xierqa. Huwa qal li l-istadium fil-belt ta’ Malang ma ssodisfax ir-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni u ma kienx ġie vverifikat kif suppost.

Prabowo qal li qed jinħarġu wkoll akkużi kontra l-kap eżekuttiv tal-partita, il-kap tas-sigurtà u tliet uffiċjali tal-pulizija.

L-akkużi jinkludu negliġenza li wasslet għal mewt jew korriment serju u ksur tal-liġi tal-isports tal-Indoneżja u l-kodiċi etiku għall-uffiċjali. Il-pieni massimi jvarjaw u dawk li jinstabu ħatja jistgħu jeħlu sa ħames snin ħabs.

Huwa qal li l-kap tal-operazzjonijiet tal-pulizija ta’ Malang huwa maħsub li kien jaf li l-FIFA tat parir kontra l-użu tal-gass tad-dmugħ fl-istadiums.

“Madankollu, huwa ma pprojbixxiex l-użu tal-gass tad-dmugħ u għalhekk naqas milli jħares is-sigurtà li hija fid-dmir tiegħu,” qal Prabowo f’konferenza tal-aħbarijiet televiżiva.

Qal li ż-żewġ uffiċjali l-oħra tal-pulizija kienu ordnaw lis-subordinati tagħhom biex jużaw il-gass tad-dmugħ. Kien hemm 11-il uffiċjal li fil-fatt użaw il-gass, u kkawża paniku mifrux hekk kif l-ispettaturi ppruvaw jaħarbu.

Instab ukoll li kien hemm dewmien biex jinfetħu Gates 3, 10, 11, 12, 13, 14, fejn ħafna spettaturi sfaw mgħaffġin f’paniku sħiħ.

“Ix-xtiebi għandhom jinfetħu ħames minuti qabel tispiċċa l-partita. Meta nfetħu, il-fetħiet kienu wiesgħa biss metru u nofs. Barra minn hekk il-gate stewards ma kinux fil-pożizzjonijiet tagħhom,” qal Prabowo.

Sport